Min jaf kemm hemm min illum waqt l-ikla ta’ nofsinhar jew wara xi ħarġa tajba ilbieraħ filgħaxija se jgħid li minn għada dieta, eżerċizzju fiżiku u dixxiplina. Oħrajn forsi jgħidu li dak li se jieħdu llejla jkun l-aħħar nifs ta’ sigarett, vizzju li jeqred lill-bosta.
Insomma, fis-sigħat ta’ dan l-ewwel jum ta’ Jannar min jaf kemm se jsiru riżoluzzjonijiet. Imma kemm jinżammu dawn ir-riżoluzzjonijiet? Tkellimna ma’ numru ta’ personalitajiet u għamlilhom tliet mistoqsijiet. Fosthom Clint Bajada, il-kap ta’ One Radio.
1.X’taħseb fuq ir-riżoluzzjonijiet?
Naħseb li huwa tajjeb li bniedem qisu jagħmel dik in-naqra ta’ mira u jkollu xewqa li jżommha. Jiġifieri naqbel li dak li jkun jagħmel reżoluzzjoni imma mbagħad ovvjament irid jimxi magħha u jżommha.
2.Żammejt mar-riżoluzzjonijiet li għamilt fil-bidu tal-2016?
Jien nipprova nżomm magħhom imma ħafna drabi minħabba x-xogħol, għax jien normalment ikunu li nipprova nqatta’ iktar ħin mal-familja u nipprova ngħix aktar, imma sfortunatament minħabba x-xogħol xi kultant tipprova tagħmel mill-aħjar imma ma jirnexxilekx għax ix-xogħol xi kultant, kif jgħid il-Malti, jirkbek. Nixtieq li din is-sena ir-reżoluzzjonijiet inżommhom, ma nafx kemm ħa nkun kapaċi. Pereżempju r-reżoluzzjonijiet taż-żmien il-festi żammejthom għaliex għidt fi żmien il-festi ħa nipprova naħdem inqas, kemm jista jkun ma naċċettax xogħol żejjed milli għandi u nipprova nżomm magħhom. Il-bqija nipprova kemm jista’ jkun ngħix ħajja sempliċi u rilassata milli ħafna attivitajiet.Xi kultant tispiċċa ma jkollokx ċans tgawdi l-festi għaliex dejjem minn ħaġa għal oħra u x-xogħol xi kultant ma jtikx ċans li tgawdi dawn il-festi sbieħ.
3.X’riżoluzzjonijiet se tagħmel għas-sena 2017?
Naħseb l-aħjar ħaġa li nibda hi li nagħmel iktar taħriġ bil-ħsieb li fi Frar nieħu sehem fil-Half Marathon, allura irrid ta’ kuljum inqum nitrenja sabiex inkun tajjeb u nkun kapaċi nasal nofs maratona li ħa nagħmel għall-ewwel darba, jiġifieri ninsab ħerqan, imbagħad ġaladarba inkun bdejt it-taħriġ ta’ kuljum, nipprova nżommu matul is-sena kollha għal ħajja iktar b’saħħitha.