Fi stqarrija l-Gvern Malti nnota l-opinjoni ta’ Pieter Omtzigt dwar Malta fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Omtzigt kritika s-saltna tad-dritt f’pajjiżna iżda Malta rrimarkat li tul il-perjodu li Pieter Omtzigt għamel rapporteur, il-Gvern Malti żamm kuntatt regolari miegħu b’aġġornamenti kontinwi fuq is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Malta qalet li minkejja dan kollu, ir-riżoluzzjoni fil-Kunsill tal-Ewropa ma tagħtix stampa ċara tal-ħidma mwettqa mill-Gvern.
Il-Gvern fakkar kif fl-aħħar xhur, l-amministrazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela wettqet riformi Kostituzzjonali u istituzzjonali bla preċedent.
Intqal kif dawn ir-riformi ġew imfaħħra mill-Kummissjoni Venezja fi ħdan l-istess Kunsill tal-Ewropa u mill-Kummissjoni Ewropea.
Fost dawn kien hemm il-mod li bih jinħatru l-President tar-Repubblika u l-Prim Imħallef, biex b’hekk il-ħatra ta’ dawn iż-żewġ karigi, li huma pilastri tad-demokrazija, issa jeħtieġu l-vot ta’ żewġ terzi mill-Parlament.
Sar bdil ukoll fil-mod li bih il-membri tal-ġudikatura jinħatru flimkien ma’ bidla Kostituzzjonali fid-dixxiplina tal-istess membri tal-ġudikatura, li issa m’għadhiex taħt l-iskrutinju Parlamentari iżda taħt il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Il-Gvern spjega wkoll kif saru riformi importanti fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara li anke dan l-istess uffiċċju nfatam u nħoloq l-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Dan flimkien mat-tisħiħ fil-Kummissjoni Permanenti ta’ Kontra l-Korruzzjoni, tal-Ombudsman u tal-Awditur Ġenerali.
Fl-aħħar xhur ukoll, għall-ewwel darba, il-Kummissarju tal-Pulizija inħatar wara sejħa pubblika bi proċess immexxi mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u proċess ta’ skrutinju mill-Parlament Malti.
Ta’ min jinnota wkoll illi riċentament il-ħidma tal-Pulizija Maltija ġiet rikonoxxuta minn entitajiet internazzjonali u pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti u l-Europol.
Il-Gvern Malti jtenni li dan kollu mhux il-punt tal-wasla, iżda huwa bażi soda għal riformi oħra li għad iridu jsiru permezz tal-Konvenzzjoni Kostituzzjonali li qed imexxi l-President ta’ Malta.