Wħud mill-MEPs li jiffurmaw ir-Rule of Law Monitoring Group (ROLMG) ħallew l-aġenda politika partiġġjana tagħhom tiġri bihom, qalet l-MPE Laburista Miriam Dalli.
Filwaqt li jużaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja, mkien ma jingħad li din hija sistema li twaqqfet bil-Kostituzzjoni tal-1964 u li Gvern preċedent f’25 sena qatt ma biddel.
Agħar min hekk, minkejja li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja mkien ma jindikaw li hemm ksur sistematiku tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna, ir-riżoluzzjoni tibqa’ tinsisti li l-Kummissjoni Ewropea għandha tibda diskussjonijiet ma’ Malta fil-framework tas-saltna tad-dritt.
“Hija sfortuna li jkollok membri li diġà għamluha ċara aktar minn darba li għandhom perċezzjoni fissa ta’ pajjiżna u li kwalunkwe ħaġa li tingħad tintuża biss biex taġevola dik il-perċezzjoni li għandhom,” qalet Miriam Dalli.
Nhar it-Tnejn, il-kumitat għal-libertajiet ċivili tal-Parlament Ewropew se jiddibatti abbozz ta’ riżoluzzjoni ppreżentata mill-ROLMG. 2 voti mbagħad jittieħdu fil-ġimgħat li ġejjin, 1 fil-kumitat u l-ieħor fil-plenarja. Ir-riżoluzzjoni ssegwi rapport miġbur mill-istess membri tar-ROLMG wara ż-żjarat tagħhom f’Malta u s-Slovakkja. Ir-ROLMG twaqqaf wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Malta, u Ján Kuciak u Martina Kušnírová fis-Slovakkja.
“Mhux aċċettabbli li hemm min irid akkost ta’ kollox jissoġġetta lil Malta għal taħdidiet dwar l-istat tad-dritt meta pajjiżna fl-aħħar snin għamel bosta tentattivi biex jirriforma liġijiet li gvernijiet preċedenti qatt ma tħajjru jirriformaw,” qalet Miriam Dalli.
L-Ewroparlamentari Maltija qalet li l-gvern Malti dejjem kien lest jiddjaloga u qatt ma qgħad lura milli jagħti bidu u jimplimenta riformi, b’konsultazzjoni pubblika sħiħa. Eżempju ċar ta’ dan hija r-riforma tal-midja – riforma li l-ġurnalisti kienu ilhom jitolbu għaliha. Eżempju ieħor hi l-istedina tal-gvern lill-Kummissjoni Venezja u r-rapport li ġie ppreżentat f’dan ir-rigward.
“Malta għandha kumitat ta’ riforma kostituzzjonali ppresedut mill-President tar-Repubblika biex jaġġorna l-Kostituzzjoni. Iżda dawk ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Venezja ma għandhomx jiġu mmanipulati biex iservu xi tip ta’ bażi għal xi stqarrijiet li huma inklużi fl-abbozz li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn,” qalet Dalli.