Id-dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Profssur Kevin Aquilina qal li t-talbiet li qed isiru għar-riżenja tal-Avukut Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija mill-Partit Nazzjonalista u s-soċjetà ċivili jmorru kontra dak li titlob is-saltna tad-dritt jew kif inhi magħrufa aħjar bħala r-rule of law f’pajjiżna.
F’artiklu ppubblikat f’The Malta Independent bit-titlu Mob rule vs the rule of Law, il-Professur Aquilina jistaqsi jekk pajjiżna għandux jitmexxa mill-għajjat u l-istorbju fit-toroq u l-pjazez, jew minn istituzzjonjiet kostituzzjonali tal-istat mwaqqfa b’liġi li jirregolaw it-tneħħija ta’ uffiċjali pubbliċi.
Saħaq li t-tneħħija tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija tista’ ssir biss skont dak li tiddetta l-liġi f’pajjiżna.
B’referenza ċara għas-sejħiet li qed isiru mill-Partit Nazzjonalista, Sostna li ħadd mhu ’l fuq mil-liġi u kulħadd għandu josserva l-liġijiet ta’ pajjiżna.
Waqt li elenka b’mod dettaljat il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti biex jitneħħew l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, saħaq li t-tneħħija ta’ uffiċjali pubbliċi trid issir skont dak li titlob il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ pajjiżna u li ħadd mill-Partit Nazzjonalista m’għamel dak li proprju jitolbu l-liġijiet ta’ pajjiżna biex l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju jitneħħew mill-kariga.
Saħaq li r-rule of law, tiddetta li jiġu segwiti l-liġijiet ta’ pajjiżna b’mod strett u jekk wieħed jagħmel mod ieħor u jħalli l-kwistjoni tat-tneħħija tagħhom tiġi indirizzata bl-għajjat u bl-istorbju fit-toroq ma jkunx qed iservi l-iskop proprju ta’ dak li titlob ir-rule of law f’pajjiżna u għar-rispett tad-dritt ta’ proċess ġust.