Lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund wieħed jista’ jgħinha b’ħafna modi, iżda sal-aħħar Sibt ta’ dan ix-xahar il-pubbliku huwa mistieden jgħin billi jixtri biċċa arti f’irkant.
Dan l-istazzjon iltaqa’ maċ-Chairman tal-Kumitat tal-Arti fi ħdan il-Fondazzjoni, Lawrence Pavia, li spjega kif din is-sena, għall-ewwel darba l-irkant ħa xejra moderna u se jsir online.
Huwa stqarr: “L-irkant se jsir b’mod differenti din is-sena, aħna bħala kumitat tal-arti fi ħdan il-MCCFF tradizzjonalment konna nagħmluh irkant fiżiku minħabba l-pandemija kellna nbiddlu s-sistema u s-sena l-oħra għamilna esperiment u parzjalment irnexxa però ridna mmorru oltre minn hekk. Ridna nagħmlu rkant online għandna website artsauction.mt”.
Hawnhekk Pavia spjega kif fost l-oħrajn l-irkant se jkun jikkonsisti f’pitturi ta’ artisti lokali u anke skulturi: “Fil-website ser jaraw l-arti kollha li fuqhom jista’ jkun hemm bidding. Jaraw x’kien l-aħħar prezz li kien hemm fuq dik l-arti u jridu ovvjament jagħmlu offerta akbar jekk ikunu jridu dik il-pittura jew skultura. L-irkant se jispiċċa fit-28 ta’ Novembru però kull biċċa arti għandha ħin speċifiku xħin tispiċċa.”
Iżda xi ħaġa li tispikka fl-irkant ta’ din is-sena hemm sett ta’ ritratti meħuda mill-mibki Kardinal Malti Prospero Grech.
Pavia sostna: “Il-Kardinal Prospero Grech kien dilettant tal-fotografija u hemm limited edition prints tal-fotografija tiegħu li huma ta’ preġju. Ma jistax isiru aktar minn dawn il-prints. Hemm fotografija interessanti ħafna.”