Żgur mhux forsi li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tiftakar lill-kantanta famuża mondjali Miley Cyrus bħala attriċi fis-serje ta’ Hannah Montana fuq l-istazzjon Disney Channel.
Apparti minn hekk isimha ddomina fil-midja minħabba l-mod ta’ kif evolviet kemm fil-karriera personali tagħha u kif ukoll fil-mod ta’ kif bdiet iġġib ruħha u kif bdiet tilbes. Kienu bosta persuni li ġġudikawha u kkummentaw li din l-artista “m’għadiex taġixxi b’mod normali.”
Iżda filwaqt li minn dejjem kienet f’għajn is-soċjetà, kemm minħabba li kisbet popolarità minn età żgħira u kif ukoll għax trabbiet ma’ missier famuż fid-dinja tal-mużika Country, Billy Ray Cyrus, Miley żammet rasha f’posta, għamlet dejjem dak li xtaqet u ma ħalliet l-opinjoni ta’ ħadd taffettwaha.
Kienu diversi siti li intervistaw lil Miley, fejn bħala tfajla li bosta ħasbu li m’għadiex kif kienet, qatt ma tilfet dak li dejjem emmnet fih u qabżet għal dawk li kienu attakkati jew kellhom nuqqas ta’ vuċi fis-soċjetà – bħal meta tkelmet favur id-drittijiet tal-gays, u kif ukoll in-nuqqas ta’ drittijiet għall-annimali.
Wara diversi snin ta’ kanzunetti xokkanti, ilbies, jew in-nuqqas tiegħu, li ġiegħlet lill-midja titkellem dwarha u filmati ta’ kanzunetti li ħallew it-timbru fil-memorja ta’ bosta, Miley reġgħet irritornat. Din id-darba b’bidla fid-dehra tagħha u b’kanzunetta ferm differenti fejn bosta qed isejħu din il-bidla bħala r-ritorn ta’ Miley Cyrus.
Filwaqt li bosta jibqgħu dejjem jiftakruha bħala dik it-tifla ċkejkna li kienet tagħmel Hannah Montana, fi ħdax-il sena Miley evolviet mużikalment, kellha relazzjonijiet li spiċċaw u reġgħu bdew, ħadet l-engagement ma’ Liam Hemsworth u bidlet il-mod ta’ kif bosta għandhom iġibu ruħhom quddiem il-kameras u kif dejjem għandek titkellem dwar dak li temmen fih.
Din hi l-kanzunetta l-ġdida li ħarġet issa ddedikata għall-għarus tagħha Liam.