L-ekonomija Maltija kompliet tirreġistra tkabbir b’saħħtu ħafna matul l-2017, bil-prodott domestiku gross (PDG) reali jitla’ b’6.6%. L-attività ekonomika kienet xprunata l-aktar mill-esportazzjoni netta, filwaqt li l-kontribut tad-domanda domestika, għalkemm pożittiv, kien iżgħar. Data settorjali turi li l-attività fis-servizzi baqgħet l-istimolu ewlieni tat-tkabbir ekonomiku, għalkemm issetturi tal-manifattura u l-kostruzzjoni kibru wkoll.
Dan qalu l-Bank Ċentrali ta’ Malta li għadu kif ippubblika r-rapport annwali tiegħu għas-sena 2017, liema rapport jagħti ħarsa lejn il-politika u l-operat tal-Bank matul is-sena u jinkludi rapporti finanzjarji dettaljati.
Ir-ritmu tat-tkabbir fil-PDG f’Malta kien kważi tliet darbiet aktar minn dak irreġistrat fiż-żona tal-euro. L-aħħar tbassir tal-Bank jissuġġerixxi li t-tkabbir ekonomiku hu mistenni li jibqa’ b’saħħtu minn perspettiva storika, għalkemm iktar baxx mill2017. It-tkabbir hu stmat li jilħaq il-medja ta’ 5% matul il-perjodu 2018-2020.
Fl-isfond ta’ ekonomija b’saħħitha, l-impjiegi żdiedu aktar u r-rata tal-qgħad niżlet għall-iżjed livell baxx storikament. Id-data tal-Labour Force Survey (LFS) turi li l-impjiegi żdiedu b’rata annwali medja ta’ 2.8% fl-ewwel disa’ xhur tal-2017. Din iż-żieda ġiet xprunata minn żieda fl-impjiegi fulltime, li żdiedu b’5,680 persuna. Il-ħaddiema żdiedu bi 2.0%, primarjament minħabba żieda fir-rati tal-parteċipazzjoni tan-nisa. Ir-rata tal-qgħad kompliet tonqos, bir-rata tal-qgħad aġġustata skont l-istaġun tkun f’medja ta’ 4.0% fl-2017.
Fir-rigward tal-iżviluppi monetarji u finanzjarji, ir-rapport jinnota li d-depożiti tar-residenti f’Malta komplew jiżdiedu għalkemm ir-rata tat-tkabbir battiet meta mqabbla mal-2016. Iċċaqliq minn depożiti fuq żmien itwal għal depożiti overnight ippersista, f’xenarju ta’ rati baxxi tal-imgħax u tkabbir ekonomiku b’saħħtu. It-tkabbir fil-kreditu lil residenti f’Malta batta fl-2017, xprunat minn tkabbir iktar dgħajjef fil-kreditu lill-gvern ġenerali. It-tkabbir fil-kreditu lil residenti oħra kompla jikber, sostnut mis-self għal xiri ta’ proprjetà residenzjali. Sadattant, ir-rati tal-imgħax fuq depożiti u self lil residenti f’Malta komplew jonqsu. Min-naħa l-oħra żdiedu l-yields fuq bills tat-Teżor u bonds tal-gvern.
L-assi totali tal-Bank laħqu €8.6 biljun fl-aħħar tal-2017, żieda minn €5.5 biljun sena qabel. Id-dħul nett mill-imgħax żdied, xprunat miżżieda sostanzjali fl-użu tal-faċilità ta’ depożitu, li għandha rata negattiva tal-imgħax konformi mal-politika tal-Bank Ċentrali Ewropew. Madankollu l-qligħ mill-operat qabel trasferimenti għal riżervi naqas għal €51.6 miljun minn €76.4 miljun fl2016, l-aktar minħabba qligħ kapitali eċċezzjonali fuq l-operazzjonijiet finanzjarji tal-Bank li kien ġie rrealizzat lejn laħħar tal2016. Il-Bank żied €16.6 miljun mal-provvedimenti tiegħu, u dan ħalla ammont ta’ €35 miljun pagabbli lill-Gvern ta’ Malta.
Il-Bank waqqaf ukoll Social Research Unit sabiex ikun jista’ jidħol aktar fil-fond fir-riċerka ekonomika tiegħu b’investigazzjoni xjentifika tad-dimensjoni soċjali ta’ kwistjonijiet fi ħdan il-kompetenza tiegħu.
Sadattant, ġie inawgurat bini ġdid b’faċilitajiet għal-laqgħat u l-konferenzi kif ukoll spazju addizzjonali għall-uffiċċji, data centre, librerija ġdida u faċilitajiet moderni ta’ arkivjar. Fl-2017, il-Bank tejjeb ukoll l-infrastruttura fi ħdan il-faċilitajiet tiegħu ta’ eżaminazzjoni tal-karti tal-flus u diversi sistemi użati f’operazzjonijiet relatati mas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali. Barra minn hekk, is-sit elettroniku tal-Bank ġie aġġornat b’kapaċitajiet estensivi ta’ tiftix.
Ir-Rapport Annwali għall-2017 jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta http://www.centralbankmalta.org