It-Tnejn għaxra ta’ Mejju.
Jum li bosta kienu qed jistennew.
Malta u Għawdex għamlu pass eqreb lejn in-normalità.
Dalgħodu Malta u Għawdex sebħu għar-rilaxx ta’ numru ta’ restrizzjonijiet oħra b’rabta mat-trażżin tal-imxija f’pajjiżna. Ninsab il-Belt Valletta fejn għal darb’oħra hawn tispikka x-xena ta’ ristoranti bi mwejjed armati lesti biex jilqgħu lill-klijenti tagħhom u forsi jservuhom anke xi tazza tè jew kafè.
Dan is-sentiment ta’ ħerqa u pożittività qasmitu magħna waiter ta’ kafetterija ewlenija fi Triq ir-Repubblika.
Qalet, “Għal erwieħ, ilna nistennew din il-ġurnata ħafna, in-nies ġew lanqas ilħaqna ftaħna u ħadna gost naraw lin-nies li ilna ma narawhom u għAL erwieħ j’Alla ma nerġgħux ngħaddu minn dak li għaddejna.”
Ma naqasx li ninnutaw u nitkellmu ma’ xi nies li f’xemx taqli l-ankri poġġew komdi fuq l-imwejjed jieħdu xi ħaġa tajba u friska.
Qalu, “Erġajna qed ngħixu mill-ġdid, anke għall-fatt li qed nerġgħu npoġġu bilqiegħda relax vera bdejna ħajja normali,” fejn persuna oħra qalet, “Mhux aħjar, għamilna xahrejn bħal dawk ħadna r-ruħ almenu issa toqgħod bilqiegħda.”
Fil-Water Front, is-sidien tar-ristoranti wkoll ramaw l-imwejjed fuq barra, fejn il-kċejjen qed jippreparaw biex isajru għal dawk li sejrin jieħdu l-ikla ta’ nofshinar taħt id-dell ta’ wieħed mill-akbar cruiseliners li bħalissa jinsab f’pajjiżna.
Sid ta’ ristorant qalilna dak li ħass illum.
Qal, “Illum ġejna kulħadd ħerqana bil-ħaddiema b’kollox u nisperaw kif qed tara n-nies huma ħerqana li ftaħna anke r-rispons ibbukjaw u hekk tidher tajba ħafna… Għinuna ħafna hu imnalla kien il-wage supplement għax kieku ma bqajniex miftuħin biex iżżomm il-ħaddiema li għandna iebsa ħafna hux.”
Intant evidenti fid-daħla tal-kapitali kien hemm ukoll l-għajta tal-bejjiegħa tal-monti jippruvaw ibiegħu xi prodott bi prezz imraħħas.
Hawnhekk ukoll in-nies li kienu qed jixtru dehru ħerqana li mexjin lejn in-normalità.
Illum ukoll tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex, fejn il-vapuri tal-Gozo Channel bi protokolli stretti bdew jivvjaġġaw b’mod frekwenti u jilqgħu għad-domanda tal-Maltin u t-turisti.
Kif kien imħabbar ukoll fil-jum tat-Tnejn ġew rilaxxati l-miżuri marbuta mat-taħriġ tal-isport professjonali, it-tagħlim tal-arti u l-lezzjonijiet tal-mużew. Dan sabiex erbatax-il jum ieħor pajjiżna jerġa’ jara t-tneħħija ta’ sett ieħor ta’ restrizzjonijiet.
Naturalment l-appell jibqa’ fuq l-osservanza ta’ miżuri oħra, fosthom iż-żamma tad-distanza soċjali biex b’hekk il-virus jibda jiġi mrażżan.