Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għan-Naħal, li qed jiġi ċċelebrat illum, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (l-FKNK) u l-Assoċjazzjoni tan-Naħħala Malta (l-MBKA) ikkommemoraw għat-tieni sena konsekuttiva l-kollaborazzjoni bejniethom fuq is-sostenn tad-dakkara, b’mod speċjali n-naħal Malti.
Fi stqarrija, l-FKNK fakkret li d-dakkara huma parti integrali mill-ekosistemi tagħna u, għaldaqstant, f’dan il-Jum niċċelebraw is-sehem kruċjali li dawn joffru għall-għajxien tal-ħlejjaq kollha, tal-agrikoltura, u tal-ekosistemi.
L-FKNK qalet li, għal staġun ieħor, il-membri naħħala se jkollhom l-opportunità li jemigraw il-kolonji tan-naħal mill-miġbħa tagħhom għar-Riservi tal-Miżieb u tal-Aħrax tal-Mellieħa. Dan il-ftehim jindirizza l-inaċċessibiltà ta’ ħafna naħħala għal inħawi qrib ix-xagħri li fih iwarrad is-sagħtar.
Dan il-proċess impenjattiv, kemm min-naħa tan-naħħal kif ukoll bix-xogħol laborjuż tan-naħal, se jservi biex jintlaħqu żewġ għanijiet: dak li jinġabar in-nettaru tas-sagħtar kif ukoll – l-aktar importanti – dak li titjieb u tiġi assigurata d-dakra tal-flora preżenti fl-abitati protetti ta’ pajjiżna.
Filwaqt li rringrazzjat lill-FKNK tal-appoġġ kontinwu, l-MBKA qalet li tibqa’ ħerqana li tagħti priorità assoluta lill-konservazzjoni tal-ambjent naturali u l-biodiversità li jinstabu f’dawn l-ekosistemi.