Ir-rinovar ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, li huwa parti mill-proġett Reliving The Sacra Infermeria, se jsir bil-barka tal-UNESCO.
Il-kap eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi Pierre Fenech spjega li tul dawn l-aħħar xhur kien hawn diversi żjarat minn esperti tal-UNESCO. Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li dan il-bini għandu wkoll ikunu imsaħħaħ bħala hub tal-konferenzi fil-Mediterran, bħal ma’ diġà kienet f’okkażjonijiet bħaċ-CHOGM u l-Valletta Summit.
Ilbieraħ ħabbarna li proġetti kbar għall-Belt Valletta kisbu l-barka tal-UNESCO biex hekk il-ħsibijiet tal-Gvern u l-entitajiet tiegħu għal żoni differenti tal-Belt Kapitali tagħna issa għandhom it-timbru ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali ta’ importanza liema bħalha.
Dawn il-proġetti huma l-proġett MUŻA (il-Mużew Nazzjonali tal-Arti) fil-Berġa tal-Italja, il-proġett ta’ Pjazza Tritoni fid-daħla tal-Belt Valletta u l-foss ta’ taħt Bieb il-Belt, il-proġett ta’ xogħlijiet f ’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u l-proġett ta’ mina taħt il-Belt Valletta li tiżbokka f ’Marsamxett.
Fil-prinċipju hemm ukoll l-approvazzjoni għall-ħsieb wara l-proġett tar-riġenerazzjoni fil-parti ta’ isfel ta’ Sant’Iermu. Il-UNESCO (United Nations Educational, Scientific and Cutlural Organization), awtorità fil-qasam tal-wirt storiku u bliet b’valur storiku bħall-Belt Valletta, tagħmel li tista’ biex ssejħilhom bħala wirt dinji. Iżda, dan isir b’ċerti kundizzjonijiet u ladarba jkun inkiseb dan ir-rikonoxximent m’hemmx garanzija li wieħed se jżommu għal dejjem.