Il-Kamra tal-Kummerċ ressqet numru ta’ proposti u rakkomandazzjonijiet sabiex pajjiżna jagħmel suċċess min-normalitá l-ġdida li pajjiżna qed jibda jgħaddi minnha u li mill-bidliet li se jsiru sabiex jassiguraw is-saħħa pubblika joħorġu opportunitajiet ġodda.
Il-miżuri mressqa mill-Kamra tal-Kummerċ jittrattaw setturi sħaħ tal-ekonomija. Fost oħrajn hemm dawk li jaraw li tinżamm il-likwiditá tan-negozji, li tiżdied id-domanda għax-xogħol, l-inċentivar tal-attivitá tan-negozji, bidla fil-ħsieb, l-istimular tal-innovazzjoni kif ukoll miżuri li jixgħelu mill-ġdid il-mutur ekonomiku.
Il-Kamra semmiet li mod kruċjali għall-bidu mill-ġdid tal-ekonomija huwa t-turiżmu.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ l-Perit David Xuereb semma iżda li m’huwiex realistiku u lanqas sigur t-turiżmu jerġa jaqbad immedjatament. Minflok għandhom jintużaw miżuri li jqajjmu kunfidenza fin-negozji.
Qal li għaldaqstant ir-rilaxx tal-miżuri għal stabbilimenti tal-ikel huma kruċjali sabiex jitqajjem dan is-sentiment ta’ fiduċja.
Fisser li bl-investiment tar-riżorsi, l-enerġija u l-fondi biex l-ekonomija terġa taqbad pajjiżna jista’ mhux biss joħroġ minn dan il-maltemp iżda jkun iżjed b’saħħtu meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra ferm ikbar.
Il-Perit Xuereb tenna l-importanza li pajjiżna jkun ippreparat għall-opportunitajiet li se jinqalgħu fiż-żmien li ġej.