L-għana folkloristika Maltija ġiet rikonoxxuta mill-UNESCO, li hija aġenzija fi ħdan il-Ġnus Magħquda, bħala wirt kulturali intanġibbli tal-umanità.
Dan l-unur prestiġjuż ingħata lil din it-tradizzjoni f’Diċembru u ngħaqad ma’ dak tal-ftira Maltija li wkoll tgawdi dan l-unur.
Crew ta’ ONE News poġġa mal-għannej Joe Busuttil, magħruf bħala l-Bużu li tkellem magħna dwar din it-tradizzjoni.
Busuttil ilu mal-erba’ deċenji jisma’ l-għana u jgħanni, u qasam in-namra tiegħu anki lil hinn minn xtutna flimkien ma’ Maltin li emigraw lejn l-Awstralja.
Mal-Bużu ltqajna f’Ħal Tarxien biswit il-Knisja Parrokkjali.
Hemmhekk, qalilna li hemm ħanut li għexieren tas-snin ilu kien minn tal-ewwel li kellu l-kitarri mdendlin.
Huwa qalilna wkoll li faċċata kien joqgħod wieħed mill-kitarristi prinċipali tal-ħanut.
Qal, “Hemmhekk faċċata kien hemm il-kitarrista Pietru. Kien wieħed mill-kitarristi li kien jiġi jdoqqilhom hemmhekk, jiġu l-għannejja jaqbdu l-kitarri, inbid u għana dak iż-żmien.”
Busuttil kompla jispjegalna kif f’dari kienu jiġu bosta għannejja miż-Żejtun, Ħal Għaxaq u l-Gudja fl-istess ħanut.
Mhux fil-ħwienet biss kont tisma’ l-għana iżda saħansitra waqt il-faċendi ta’ kuljum, b’mod partikolari n-nisa kienu jgħannu biex jgħaddu l-ħin, b’dik li hija magħrufa bħala l-għana tal-banju.
Meta mistoqsi dwar il-premju li t-tradizzjoni rċeviet dan l-aħħar, il-Bużu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-għana ġiet rikonoxxuta b’dan il-mod.
Spjega, “Barra li unur għal pajjiżna huwa unur għall-għannejja, dan għaliex ġejna rikonoxxuti. Għax l-għannej bniedem spirtu pront u ħadd ma jagħmlek għannej. Li jista’ jdaħħlek ġol-għannejja, ikollok ħabib. Imma għannej ma jagħmlek ħadd. Għannej titwieled. Inħoss li għandi nkun kburi biha.”
Temm jinnota li għalkemm it-tradizzjoni m’għadhiex prattikata ta’ kuljum in-nies xorta għadha tikkonkorri bi ħġarha għal din it-tip ta’ mużika folkloristika.
Qal, “Meta jsir l-għana anki nies jiġu, in-nies għadha tiġi għall-għana. Ċertu tradizzjoni m’għadhiex kif kienet qabel. Illum sar iktar kummerċjali l-għana. Qabel kien inqas kummerċjali, l-għana kien aktar ta’ passatemp.”
Għana Spirtu Pront, tal-Fatt jew la Bormliża lkoll huma parti mill-identità ta’ pajjiżna.