Waqt li indirizza ċ-ċeremonja tal-Ħelsien, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal kif propju llum, ir rigal tal-lum lil Malta ħielsa, dan il-pajjiż qed idaħħal aktar ġid u aktar flus milli qed jonfoq Dan fil-waqt li semma l-kisbiet li wettaq dan il-Gvern fosthom l-inqas rata ta’ nies ifittxu xogħol u l-ogħola rata ta’ nies jaħdmu fl-Ewropa.
Il-Prim Ministru qal li dak li wassal lil pajjiżna jkun daqstant ta’ success fit-38 sena ta’ ħelsien kienu l-imħabba lejn pajjiżna, il-bżulija tagħna bħala Maltin u Għawdxin u r-rieda u x-xewqa li għada, kemm għalina u kif ukoll għall-uliedna, jkun aqwa mil-lum. Hu qal li dawn huma l-valuri li mexxewna ‘l quddiem bħala pajjż.
Il-Prim Minsitru qal li din hi ġrajja ta’ ħelsien li għaqdet il-kisbiet tal-Indipendenza u tar-Repubblika flimkien mal-kisbiet mill-isbaħ ta’ dan il-pajjiż żagħżugħ.
Spjega kif din kienet il-viżjoni ta’ missirijietna li ħolmu u ma beżgħux, dan hekk kif kieku ma ħolmux dan il-pajjiż żgur ma kisibx.
Il-Prim Ministru qal li hu jemmen f’pajjiż magħqud, jemmen fl-imħabba u kif kulħaddu għandu jkollu d-dritt li jħobb lil min irid u jkun ħieles. Qal li jemmen li l-istat m’għandux iwaqqaf iżda jgħin lill-koppji li jixtieq li jkollhom it-tfal u jekk hemm mezzi bix-xjenza li dan isir għandha tingħata l-għajnuna. Hu semma wkoll kif jemmen fix-xogħol u l-bżulija ta’ dan il-pajjiż.
“Dawn huma l-valuri li ma jħarsux lejn l-uċuħ u lejn il-vot, valuri li ngħozzhom kif ngħozz kull kisba ta’ pajjiżi,” qal il-Prim Ministru.
Hu qal li mbarkajna fit-triq li “qatt daqs illum ma kellna nies jaħdmu, qatt daqs illum ma kellna ftit nies ifitxxu x-xogħol, qatt daqs illum kull min verament irid jaħdem isib post tax-xogħol.”
Muscat semma kif minkejja l-kisbiet kollha li ksibna bħala pajjiż, u minkejja x-xogħol li hawn, għad hawn nies li l-paga li qed jaqilgħu mhix biżżejjed u għalekk għad fadal xi jsir. Il-Prim Ministru semma ż-żeida fil-minimum wage, li għalkemm għadna ma wasalniex nistgħu naslu.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qara frazi li “għandha tispirana” li kiteb Duminku Mintoff f’artiklu f’The Daily Chronical fl-1938 fejn qal li “Malta hija fil-bżonn iddisprat ta’ nies b’ideat ġodda li fost deġenerazzjoni ta’ faxxiżmu jiġbru l-elementi progressivi u liberali u jibdlu s-sistema soċjali medjevali ta’ pajjiżna f’xi ħaġa li tkun l-għira ta’ pajjiżi oħra.” Il-Prim Ministru qal li dan kien kumment li nkiteb ħafna qabel ma Mintoff sar Prim Ministru, fi żmien meta ħadd ma kien jimmaġina li pajjiżna kien se jkun indipendenti u ħieles, aħseb u ara kemm pajjiżna kien se jkun l-għira tad-dinja.
Il-Prim Minsitru qal li “Jien kburi, flimkien magħkom, li wara 80 sena tinħema din il-ħolma, aħna flimkien bħala poplu qed nagħmluha realtà.”
Intant waqt l-indirizz tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Chris Cardona, elenka l-kisbiet storiċi li għamel il-Partit Laburista sa mit-twaqqif tiegħu.
Hu qal li l-Partit Laburista jibqa’ relevanti u jibqa’ rikonoxxur bħala l-partit li ħadem għal-libertà u l-ħelsiet. Cardona semma l-kwistjoni tad-divorzju u l-unjoni ċivili għal persuni tal-istess sess, ftit minn ħafna kisbiet li wettaq dan il-Gvern.
“Dawn huma aspetti ta’ libertajiet ċivili,” qal Cardona
Il-Ministru Chris Cardona rrefera wkoll għas-surplus li rreġistra pajjiżna wara 34 sena. Hu qal li dan huwa ħelsien ukoll. Hu spjega kif il-ħelsien huma kunċett li jinbidel maż-żmien u għad fadal affarijiet li l-partit irid iġib ħelsien għalihom.
Cardona temm jgħid li “ li ma tibqax tuża’ ċ-ċokon ta’ pajjiżna bħala skuża hija wkoll espressjoni ta’ ħelsien.”