L-eks Kap Nazzjonalista, Adrian Delia saħaq li r-riga tiegħu ma tinbidilx u ma titgħawwiġx skond kif ikun jaqbel lil wieħed jew lill-ieħor.
Din id-dikjarazzjoni b’saħħitha mid-deputat Nazzjonalista u eks Kap waslet jumejn biss wara l-konferma ta’ Bernard Grech bħala Kap f’votazzjoni li fiha aktar minn kwart tal-kunsillieri Nazzjonalisti vvutaw kontrih, ma marrux jivvutaw, jew ħassru l-vot.
Kienet reazzjoni wkoll għal rapport fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda tal-gazzetta ‘KullĦadd’, li fih ġie spjegat kif, fil-konferma tiegħu mal-Kunsilliera, Bernard Grech falla bil-kejl li fasslu niesu stess. Il-‘’KullĦadd’ osservat kif Jeremy Gingell, wieħed minn nies l-aktar qrib il-Kap Bernard Grech, fl-2019 kien iddikjara li l-Kap għandu jaspira għall-fiduċja ta’ 90 fil-mija jekk irid li jkollu l-kontroll fuq il-partit. Dakinhar, Gingell kien qal dan ftit jiem qabel vot ta’ fiduċja fil-konfront ta’ Adrian Delia, li dak iż-żmien kien Kap, fl-eqqel tal-kampanja ma taqta’ xejn li kienet saret mill-estabishment tal-Partit Nazzjonalista biex Delia jitwarrab minn kap.
Barra l-Parlament, ONE News staqsa lill-eks Kap Delia dwar dan il-kejl iffissat minn Gingell; kejl li ma ntlaħaqx minn Bernard Grech u li, madankollu, issa ma reġax issemma.
Delia qal, “Ma qbiltx ma’ dak li kien qal Jeremy Gingell dak iż-żmien. Jiena konsistenti u r-rigal tiegħi ma tinbidilx, ma titgħawwiġx, u mhux skond kif ikun jaqbel lil wieħed jew lil ieħor, inbiddlu l-interpretazzjonijiet.”
Adrian Delia ma waqafx hawn. Minkejja li n-nies qrib Grech ippreżentaw ir-riżultat li kiseb is-Sibt bħala rebħa, l-eks Kap xejjen l-importanza ta’ dan il-vot u qal li l-iktar ħaġa importanti hija jekk il-Kap hux kapaċi jmexxi l-Partit ’il quddiem.
Qal, “L-iktar ħaġa importanti mhux il-proporzjonijiet tal-elezzjonijiet interni imma kemm issa, b’dan il-mandat, il-PN hux kapaċi jmexxi ’l quddiem u jkollu riżultati li jista’ jsarraf fuq bażi nazzjonali.”
Intant, l-eks Kap Adrian Delia semma wkoll fir-riżultat ta’ dawk li marru jivvutaw, u f’botta sottili fakkar kif Bernard Grech ma kellu l-ebda avversarju kontra min itellaq.
Qal, “Kien hemm parti li vvutaw kontra, però naħseb li l-mandat li għandu, ta’ 81 fil-mija, meta tqis ukoll li ma kellux avversarju.”
Minkejja li Bernard Grech kien l-uniku żiemel f’din it-tellieqa, aktar minn kwart tal-kunsillieri ma vvutawlux. Kienu 166 il-kunsillieri li għażlu li ma jitfgħux il-vot tagħhom minkejja l-introduzzjoni tal-vot bi prokura, 12 oħra ħassru l-vot, u 266 saħansitra vvutaw le fil-konfront tal-Kap.
B’dan il-mod, aktar minn wieħed minn kull erba’ kunsillieri fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ddikjaraw ma jridux lil Bernard Grech bħala l-Kap tal-partit tagħhom.