“Dawn ir-riformi rridu nibqgħu nibnu fuqhom, għax huma mnebbħa mis-sewwa u hekk jixraq liċ-ċittadini kollha, inkluż iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.”
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt seduta Parlamentari f’għeluq is-sena minn meta ħareġ ir-rapport tal-Inkjesta Sofia b’39 rakkomandazzjoni.
Il-Prim Ministru tenna li, minkejja li pajjiżna mhuwiex dipendenti mis-settur tal-kostruzzjoni, però kien hemm il-ħtieġa li dan is-settur jiġi rregolat.
Hu sellem il-memorja ta’ Jean Paul Sofia u ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom fuq il-lant tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin.
Dr Abela spjega li, wara li ħareġ ir-rapport, il-kumitat inter-ministerjali kellu prinċipju li jkollu l-ogħla standards u kull min kien qed jopera b’attitudni ħażina, ma kienx se jitħalla jopera aktar.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi biex jifred lil dawk li jaħdmu b’mod serju u dawk li jippretendu li joperaw f’dan is-settur għad-detriment ta’ persuni oħrajn.
Hawnhekk il-Prim Ministru għadda messaġġ ċar li l-impenn tal-Gvern hu ċar – se jkun wara min hu ta’ rieda tajba, imma min se joħloq inkonvenjent, għalih hemm il-konsegwenzi.
“Min mhuwiex serju, dan is-settur m’għandux għalxiex imiss miegħu, anzi ngħid li min mhuwiex serju m’għandux imiss mal-ebda settur ekonomiku f’dan il-pajjiż. Mhemmx skużi, jew serjetà jew xejn. Min hu ta’ rieda tajba, iżda, u qed jgħolli l-istandards, allura se jsibna warajh. Min ħoloq jew se joħloq inkonvenjent, min jikser ir-regolamenti tal-iżvilupp jaf li llum hemm pieni li huma qawwija li se jkunu qegħdin jistennewh li jinkludu wkoll prosekuzzjoni quddiem il-Qrati tagħna.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-qafas ta’ inforzar, li hu importantissimu f’dan is-settur.
Ġie mfakkar ukoll li dak il-post, fejn tilef ħajtu Jean Paul Sofia, se jkun qed isir ġnien.
Il-Prim Ministru temm jgħid li, għalkemm fadal xi jsir f’dan is-settur, dan il-Gvern għandu r-rieda għal aktar ħidma biex is-settur ukoll ikun wieħed ta’ kwalità.
“Ħdimna ħafna, però ngħid li dan hu biss il-bidu. Ir-riformi li ġibna rridu nibqgħu nsostnuhom, anzi rridu nibqgħu nibnu fuqhom. Biex nagħmlu dan, kburi ngħid li għandna rieda soda daqs l-azzar. Urejniha b’sena ta’ ħidma sfieqa, għax imnebbħa mis-sewwa. Determinati li l-istandards fis-settur ikomplu jitilgħu għal-livell li jmiss. Hekk jixraq liċ-ċittadini ta’ pajjiżna, hekk jixraq lill-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna, hekk jixraq lill-memorja tal-vittmi ta’ dan is-settur u l-għeżież tagħhom. Hekk jixraq liż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Aqra aktar: