Ir-riformi fil-qasam tal-ġustizzja qed iħallu l-frott.
Saħaq dan il-Prim Ministru, Robert Abela fl-attività politika tal-Ħadd, ħames snin wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru ddeskriva l-iżviluppi fl-aħħar jiem b’rabta ma’ dan il-każ, bħala pass ieħor importanti lejn ġustizzja sħiħa, b’mod speċjali mal-qraba ta’ Caruana Galizia.
Qal, “Vera li huwa episodju li ma jissimbolizza xejn dak illi bħala pajjiż nemmnu fih. Episodju li ma jissimbolizza xejn il-valuri ta’ dan il-poplu. Imma żgur huwa episodju li dan il-pajjiż irid jibqa’ jitgħallem minnu.”
Dr Abela nnota kif bir-rieda politika tal-Gvern, il-qasam ġudizzjarju ta’ pajjiżna qed ikollu l-opportunità li jimmodernizza ruħu filwaqt li pajjiżna jkollu Qrati tal-Ġustizzja aktar indipendenti u imparzjali.
Qal, “U ż-żmien uriena li meta inti titlaq fuq proċess ta’ riformi b’saħħtu għax tkun konvint minnu r-riżultati jaslu. Għamilna riformi bla preċedent li, iva, immodernizzaw id-demokrazija tagħna. Riformi li għadhom ma spiċċawx għaliex il-bidla ma tieqaf qatt. Ejja nifhmu li l-qafas demokratiku f’pajjiżna mal-mogħdija taż-żmien dejjem jeħtieġ li jibqa’ jiġi aġġornat. Dak li għamilna, dak li għadna qed nagħmlu u dak li se nibqgħu nagħmlu.”
Il-Prim Ministru tkellem dwar uħud minn dawn ir-riformi.
Qal, “Nitkellmu fil-konkret insemmi r-riforma li nidejna dwar is-settur ġurnalistiku. Insemmi emenda oħra li se tkun qed tiġi diskussa b’urġenza għada fil-Parlament fejn taħseb illi jekk hemm xi ħadd li mingħalih se jipprova jaħrab mill-kors tal-ġustizzja b’manuvra jew oħra qiegħed jarralu.”
Dr Abela reġa’ tenna l-fiduċja li għandu dan il-Gvern fir-riformi li qed iwettaq.
Qal, “Għalhekk nibqa’ nemmen li hija din it-tip ta’ riformi li qegħdin nagħmlu li huwa l-akbar sinjal aħna nistgħu qatt nagħtu bħala Gvern li episodju bħal dak illi seħħ ħames snin ilu. Aħna determinati li ma nerġgħux naraw bħalu.”