Is-sistema ta’ punti fuq il-liċenzja tas-sewqan li sal-lum torbot biss lis-sewwieqa l-ġodda għall-ewwel tliet snin mindu jġibu l-liċenzja se tkun qed tinfirex għas-sewwieqa kollha mill-ewwel ta’ Diċembru li ġej.
Fi stqarrija konġunta, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ministeru Trasport ċaħdu rapport f’gazzetta li fih għal xi raġuni ngħad li l-pjan biex tiġi implimentata din ir-riforma fis-sistema tal-punti tpoġġiet fuq l-ixkaffa.
Il-Ministeri qalu li fl-aħħar xhur saret ħidma bejn iż-żewġ Ministeri biex ir-riforma tidħol fis-seħħ mill-ewwel tax-xahar id-dieħel.
Qalu li l-awtoritajiet huma mħejjija kemm mil-lat leġiżlattiv u kemm mil-lat amministrattiv.
Fakkru li din ir-riforma se tkun qed issir wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ mal-pubbliku u stakeholders u wara proċess leġiżlattiv fil-Parlament.
Din il-miżura kienet waħda minn sebgħa li ppropona l-Gvern is-sena li għaddiet għar-riforma fil-liġijiet u r-regolamenti tat-traffiku bil-ħsieb li jsaħħaħ is-sigurtà fit-toroq.