Waqt laqgħa bejn il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA qalet kif ir-riforma li se jintroduċi dan il-Gvern b’rabta mal-kirjiet ta’ qabel l-1995 hi pass ‘il quddiem għall-inġustizzja li ilha teżisti għexieren ta’ snin.
Din kienet laqgħa fost bosta li qed iwettaq il-Gvern, bil-laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika qed isiru ma’ diversi stakeholders dwar ir-riforma tal-kirjiet protetti ta’ qabel l-1995, dan qabel ma tibda d-diskussjoni fil-Parlament din il-ġimgħa.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Roderick Galdes iddeskriva l-liġi proposta bħala waħda neċessarja biex tipproteġi lin-nies li jeħtieġu protezzjoni u li tagħti dak li hu ġust lis-sidien.
Hu elenka wkoll il-kwistjoni tal-wirt li kien fattur ieħor inġust fuq is-sidien. Qal kif wara dawn is-snin kollha din il-liġi se ġġib it-tmiem tal-wirt fejn b’hekk għall-ewwel darba s-sidien għandhom il-garanzija li l-proprjetà se tirritorna għandhom kif inhu xieraq.
Il-Ministru Roderick Galdes ikkonkluda li l-Istat seta’ jagħmel dan il-pass wara l-bidliet kbar li din l-amministrazzjoni ġabet f’dan il-qasam, b’politika proattiva tal-housing li ħarġet b’soluzzjonijiet u għajnuniet għal faxex aktar wiesgħa ta’ nies.