Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis attenda għal-laqgħa ġenerali annwali tar-reġjun Nofsinhar u qal li hekk kif ħa l-inkarigu ta’ segretarju parlamentari, beda fuq il-ħidma li għandha twassal għal riforma fil-qasam tal-gvern lokali u tal-infurzar lokali.
L-istrateġija tar-riforma tinkludi konsultazzjonijiet u diskussjonijiet mis-setturi kollha biex jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet. Ir-riforma tal-gvern lokali trid tara bidla fl-irwol u fil-poteri tar-reġjuni. Is-Segretarju Parlamentari tenna l-importanza li kull reġjun ikollu pjan li jidentifika l-karatteristiċi soċjali, ekonomiċi u kulturali biex il-pjan jintuża bħala bażi fejn għandhom x’jaqsmu applikazzjonijiet għal fondi speċifiċi.
Is-Segretarju Parlamentari Parnis qal li jinsab pożittiv li bil-kontribut ta’ kulħadd ikun hemm riforma fil-qasam tal-gvern lokali li tħares l-interessi kemm ta’ dawk li joperaw fil-kunsilli lokali kif ukoll ta’ dawk li jirċievu s-servizzi mingħandhom, filwaqt li appella għal ħidma kollettiva biex ir-riforma tkun ta’ suċċess.