“Din ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali se tkun qed televa l-figura tal-imħallef u tara drittijiet ġodda għall-vittmi.” Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, hekk kif il-Ħadd filgħodu ġie intervistat minn tliet ġurnalisti indipendenti u kien ukoll mistoqsi dwar dak li qed jiġi propost.
Dr Abela sostna li dan il-pajjiż qiegħed f’ċirkostanzi ta’ abbuż tal-għodda tal-ġustizzja biex, fost l-oħrajn, issir inġustizzja ma’ persuni li jservu lill-istat.
Sostna li din ir-riforma mhix se tnaqqas l-aċċess għall-ġustizzja, imma ħa tkun xprunata mill-ħsieb li ħadd ma jabbuża minnha bi proċess ġdid li jeleva l-imħallef u bi drittijiet ġodda għall-vittma.
“Se nkunu qegħdin nelevaw is-serjetà tal-proċess, imma fl-istess waqt ukoll nirresponsabbilizzaw l-użu ta’ din l-għodda billi, f’dan il-proċess ġdid u se tkun forma ħolistika mhux biss tal-inkjesti tal-privat, nintroduċu wkoll il-figura tal-imħallef, l-imħallef li jippresiedi l-Qorti Kriminali. Se ndaħħlu drittijiet ġodda, pereżempju, bħal dak tal-vittma. Jedd statutorju tal-vittmi li jkunu jafu x’qiegħed jiġri u f’liema parti waslet l-inkjesta maġisterjali. Kellimni xi ħadd din il-ġimgħa, qaltli kelma waħda … qaltli ‘taf kemm ili taħt inkjesta maġisterjali jien?! Sitt snin.’ Qaltli ‘fuqiex, ma nafx’.”
Il-Prim Ministru sostna li din ir-riforma se tkun qed tilħaq ukoll in-negozji, għax mhuwiex aċċettabbli li tagħżel selettivament negozji u persuni u texħithom f’inkjesta maġisterjali mingħajr ebda provi.
Hawn irrimarka li l-Korp tal-Pulizija qed jagħmel xogħol straordinarju u mhuwiex aċċettabbli li, għal skopijiet partiġġjani, persuni jipprovaw jiskrutinizzaw din il-ħidma li qed tħalli riżultati eċċezzjonali.
“L-inkjesti li jsiru mill-maġistrati tajbin u tal-Korp tal-Pulizija jew tal-Avukat Ġenerali ħżiena? Assolutament mhux il-każ. Jiena ngħid li jrid ikun hemm kollaborazzjoni bejn l-għodod tal-Istat biex l-investigazzjoni dejjem twassal għar-riċerka tal-verità. Li żgur ma nistax naċċetta, imma, anke bħala ċittadin komuni, hu li jkollna abbuż mill-ġustizzja. U rajnieh wisq jiġri dan l-abbuż, mhux fl-inkjesti tal-Milied biss. L-inkjesti tal-Milied huma oxxenità kollha kemm huma. Kollha kemm huma. U r-riforma tal-inkjesti maġisterjali se tkun ukoll tgħodd għall-inkjesti maġisterjali li dwarhom għadhom ma ġiex ordnat il-ftuħ tal-aċċess.”
Mistoqsi dwar il-ħelsien proviżorju ta’ Yorgen Fenech, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern assolutament m’għandu l-ebda jedd fuq il-Qorti Kriminali, però spjega li, f’dan il-każ, l-Avukat Ġenerali kemm-il darba oġġezzjonat.
Hawnhekk tenna li, biex il-Qorti kienet sodisfatta li tagħti l-ħelsien mill-arrest, kellha tagħti kundizzjonijiet straordinarji, li għandhom valur ta’ aktar minn €50 miljun.
Dr Abela fakkar f’ħemel ta’ miżuri li dan il-Gvern għamel fil-qasam tal-ġudikatura, fosthom li, f’dawn l-aħħar snin taħt amministrazzjoni Laburista, l-għadd tal-avukati fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali telgħu għal 95 minn 25.
Dan filwaqt li l-ammont ta’ ġudikanti fl-aħħar ħames snin żdied b’34%, kif żdiedu wkoll ir-riżorsi tal-prosekuzzjoni u l-proċess ta’ diġitalizzazzjoni.
Dwar it-tniġġis tal-istorbju li jiġi ġġenerat, b’mod partikolari, mill-industrija tal-kostruzzjoni, il-Prim Ministru elenka n-numru kbir ta’ riformi li seħħew.
“Daħħalna l-liċenzjar tal-kuntratturi, daħħalna l-liċenzjar tal-bennejja, daħħalna l-obbligi li jitħaddtu dwar l-assigurazzjoni. Bdilna billi daħħalna liġi ġdida tal-OHSA, jiġifieri liġi li tirregola l-liġi tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li titħaddet ukoll dwar noise pollution. Daħħalna l-helpline fejn hi waħda 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, fejn kull persuna li tħoss li qed tiġi aggravata b’xi żvilupp, li qed isir ħdejha, hemmekk tista’ ċċempel lill-BCA u l-BCA minnufih tibgħat lill-uffiċjali tal-inforzar tagħha biex jispezzjonaw.”