Intervistat fil-programm Bil-Fatti fuq ONE, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li fl-aħħar ħames snin, il-Gvern ħa ħsieb l-ekonomija tal-pajjiż u ra li l-ġid iġġenerat jitqassam għand in-nies. Qal li wara l-isfidi kbar li kellu jaffaċċja fis-snin li għaddew, issa l-Gvern jinsab ippreparat biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-lum u t’għada.
Tkellem dwar l-aħbar li ħarġet illum li l-inflazzjoni niżlet għal 1.8%. Qal li pajjiżi oħra għażlu l-awsterità mentri pajjiżna fost l-oħrajn issussidja l-prezzijiet tal-gass, tad-dawl, tal-ilma, tal-petrol u tad-diesel li qal huma sostenibbli, minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ daħħal dubju dwar kemm pajjiżna jiflaħ isostni dawn is-sussidji. Dr Abela qal li dan jixhed id-differenza kbira bejn il-Gvern immexxi minnu u l-Oppożizzjoni.
Il-Prim Ministru qal li l-Malta Labour Migration Policy se tindirizza kemm l-influss tal-ħaddiema barranin kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema. Innota kif fuq din il-policy, l-Oppożizzjoni ġiet iżolata għax l-istakeholders u l-imsieħba soċjali huma pożittivi dwarha, mentri l-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra ma jafx xi jrid u għalhekk ma tistax tafdah bit-tmexxija tal-pajjiż.
Mistoqsi dwar ir-riformi fil-ġustizzja, il-Prim Ministru wieġeb li fl-aħħar jiem tas-sena l-oħra u l-bidu tal-2025, saru tentattivi li m’għandhomx mis-sewwa, intiżi biex jitfgħu pressjoni u jirrovinaw ħajjet persuni li qed jagħtu servizz importanti lil pajjiżna. Spjega kif persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u l-fazzjoni estremista tiegħu li tmexxih, jisbħu filgħodu u jmorru l-Qorti biex jiftħu inkjesta fuq min jidhrilhom. Qal li b’dan l-aġir, persuna tqum filgħodu u ssib ruħha suġġetta għal inkjesta, tinqabel ħajtu jew ħajjitha ta’ taħt fuq, u tagħmel snin tiela’ u nieżla l-Qorti biex forsi xi darba tinstab l-informazzjoni li fuqha ntalbet l-inkjesta, li ma kelliex mis-sewwa.
Qal li din is-sitwazzjoni għaddew minnha Carmelo Abela, Owen Bonnici u Ryan Spagnol u sostna li dan l-abbuż irid jieqaf darba għal dejjem. Spjega li huwa għalhekk li l-Gvern qed jara li ssir riforma fl-inkjesti, mhux biex tixxekkel il-ġustizzja, anzi fakkar kif kien Gvern Laburista li reħa poteri biex jinħatru Maġistrati, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Qal li min ma jabbużax mill-ġustizzja m’għandux għalfejn jinkwieta minn din ir-riforma, mentri jrid jispiċċa l-abbuż minn dawk li l-ġustizzja jużawha għall-gwadann politiku u qed jirrovinaw ħajjet nies onesti.
Il-Prim Ministru qal li dak li ġara lbieraħ quddiem id-depot tal-Pulizija mill-fazzjoni estremista tal-Partit Nazzjonalista, jikkonferma l-bżonn li jitwaqqaf l-abbuż li qed isir mill-għodda ġudizzjarji ta’ pajjiżna. Sostna li dak li għamlet ilbieraħ l-Għaqda Repubblika, wera biċ-ċar kemm din timxi b’riga differenti meta l-Qrati ma jimxux kif trid hi. Innota wkoll il-qrubija li teżisti bejn Repubblika u l-Partit Nazzjonalista u semma fost l-oħrajn l-episodju ta’ meta Jason Azzopardi nqabdad jigdeb u fl-istess jum sab refuġju għand l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-investiment b’valur miżjud li qed ikun attirat lejn Malta u li jkun ta’ kwalità. Semma fost l-oħrajn il-qasam turistiku, b’rekord ta’ turisti li qed iżuru pajjiżna, iżda qal wasal iż-żmien li niffukaw fuq il-kwalità tat-turisti li jiġu Malta. Tkellem ukoll dwar l-investiment fis-settur tal-avjazzjoni li tħabbar iktar kmieni llum, biex il-kumpanija tal-ġarr tal-merkanzija Challenge Group se tinvesti f’6 ajruplani tal-merkanzija li se jkunu rreġistrati f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li l-ġimgħa d-dieħla ser jitħabbar il-proġett tar-Riġenerazzjoni tal-Promenade ta’ Birżebbuġa li se jara ħames proġetti flimkien, bi spazji miftuħa riġenerati u oħrajn ġodda. Fakkar kif kien Gvern Laburista li neħħa t-tankijiet għall-ħażna tal-fjuwil minn din il-lokalità. Temm jgħid li hemm pjani simili oħrajn fosthom għall-Marsa li mistenni wkoll jiġi riġenerat.