Ir-riforma li se tindirizza l-problema ta’ madwar għaxart elef persuna fil-liġi tal-kera ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin, imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela s-Sibt li għadda, se tfisser ġustizzja.
Dan kien il-kliem tal-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb u l-Konsulent Legali fil-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali, Kurt Scerri f’kummenti ma’ ONE News.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet din ir-riforma hekk kif se jkun hemm ġustizzja mal-inkwilin iżda anki mas-sid tal-proprjetà biex jirċievi dħul xieraq mill-kirja skont il-valur preżenti tal-istess proprjetà.
Qal kif, “Qed nagħmlu distinzjoni bejn dak li verament għandu bżonn l-għajnuna mit-taxxi tal-pajjiż, biex jibqgħu jiġu sostutni f’forma ta’ housing jew ieħor u wkoll l-għajnuna permezz tat-taxxi tal-Gvern biex din it-tranzizzjoni bejn kif konna qegħdin u kif filfatt ħa mmorru, ħa jkun qed isir b’mod li huwa ekwu.”
Dr Kurt Scerri qal kif din ir-riforma għandha tliet għanijiet, fosthom li se tipproteġi lil kull min ħaqqu, se tkun qed tgħolli l-prezzijiet tal-kirjiet b’mod proporzjonat u fuq dak li huwa valur fis-suq, u se tkun qed taqta’ l-wirt ta’ dawn il-kirjiet.
Spjega, “L-istat qiegħed jaċċerta ruħu li l-piż jintrefa’ mhux mill-inkwilin biss, li kif nafu jinstabu fi stat ekonomikament vulnerabli għax qed nitkellmu fuq anzjani, fosthom anke pensjonanti u nies li jiddependu mill-benefiċju tal-istat u allura se jkun qed jerfa’ dan il-piż permezz ta’ sussidju li jista’ jlaħħaq sa €10,000.”