“Kont u għadni kommoss” stqarr il-Prim Ministru għall-appoġġ li qed jingħata mill-poplu Malti u Għawdxi, irrispettivament mill-ħsieb politiku tan-nies.
Dan qalu f’għeluq il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, fost entużjażmu kbir li esprimew dawk preżenti.
“Jien, Joseph Muscat, m’għandi xejn minn xiex nibża’ għax qed ngħid il-verità, dan urejtu lill-poplu Malti u Għawdxi fil-ġurnata li ħaddieħor suppost kellu jġib il-provi biex jeqridni. Minflok inqerdet il-ftit kredibiltà li kien fadallu”.
Jien m’għandi xejn minn xiex nibża’ u għalhekk tlabt li jinħatar Maġistrat, mhux magħżul minni, biex jinvestiga. Jien m’għandi xejn minn xiex nibża’ u għalhekk marti u jien morna ngħidu l-verità kollha. Min għandu l-faħam miblul ma jitlax jixhed jew jibda jattakka u jitfa’ dubbji fuq Maġistrat biex jipprova jitfa’ pressjoni, saħaq Dr Muscat.
Joseph Muscat qal li dak li mingħalih se jkun favurih, dar bil-bosta kontrih għax in-nies indunaw. “Filfatt nixtieq nirringrazzjah għaliex qatt daqs dawn il-jiem ma kien hemm persuni ġooda li resqu lejna. Qatt daqs dawn il-jiem ma’ kien hemm persuni li kien għadhom mhux moqdija u qaluli li ma kinux se jivvutaw, iżda li fuq din se joħorġu bi ħġarhom.
Minn din l-istorja ta’ gideb u xewk se toħroġ warda li qed tagħmilna b’ saħħitna aktar minn qatt qabel” stqarr il-Prim Ministru.
Jien se nkompli ngħid il-verità u li aktar ma jagħmlulna, aktar isaħħuna. Is-saħħa tagħna tinsab fil-kalma u serenità tagħna. Il-kburija tiegħi li mmexxi dan il-Moviment qatt ma kienet kbira daqs illum, ir-rieda tiegħi qatt ma kienet soda daqs illum, is-serenità tiegħi qatt ma kienet akbar milli hija llum, tenna l-Mexxej Laburista.
Dr Muscat sostna li lil hemm minn dak li nemmnu u naħsbu politikament, hemm xi ħaġa komuni li tgħaqqaddna bħala poplu. Li nikkritikaw kemm nikkritikaw lil xulxin, li nargumentaw kemm nargumentaw fuq l-anqas ħaġa, niddarsu bħala poplu meta tinqabeż linja. Linja tad-diċenza. Linja fejn biex xi ħadd ikisser u jipprova jakkwista, iħalli lilu nniffsu jiġi manipulat minħabba l-għatx tal-poter. Linja fejn mhux biss minbarra l-ideat jiġu attakkati l-persuni. Iżda linja fejn il-familja ssir biss xi ħaġa oħra li tista’ tiġi attakata għal fini ta’ poter.
Ħaddiehor m’għadux qed jitkellem u jaġixxi bħala politiku. Ma jistax jiffoka fuq kif itejjeb il-ħajja tan-nies, li nipproteġu l-interess ta’ pajjiżna, u li nħarsu ‘l quddiem. Ħaddieħor maħkum minn wisq biża’ dwar il-futur politiku tiegħu, li riesaq lejn falliment, u għalhekk ma jistax jara dak li veru għandu bżonn pajjiżna.
Għalhekk qasam ferm aktar linji minn kwalunkwe politiku ieħor fl-istorja. Ghax iddisprat. Se jagħmel protesta fuq xi ħaġa li qal hija sekondarja. Għamel akkuzi enormi u ma ġabx prova waħda ħlief ritratt ta’ bagalja li issa qed jgħidulu li ma setax kien fiha l-affarijiet li qal, u li qatt ma eżistew. L-ebda provi, tenna l-Mexxej Laburista filwaqt li stqarr kif Simon Busuttil bena l-proġett politiku tiegħu fuq gidba oxxena bla bażi fejn ma ddejjaq xejn jattakka lil familti
Il-Prim Ministru reġa’ rringrazzja lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin li urew solidarjetà miegħu, martu u uliedu fil-jiem li għaddew. Kont kommoss kif dan is-support kien ġej minn kullimkien, irrespettivament mill-ħsieb politiku tagħhom. Minn attivisti tal-Partit Laburista għal persuni li qatt ma vvutaw lil dan il-Moviment. Minn persuni ġodda li ngħaqqdu magħna, għal deputati tal-Partit Nazzjonalista, qal Dr Muscat.