Karl Vella kien bniedem li mhux faċli tinsa. B’karattru determinat, kien isemma ħafna leħnu sabiex jgħin lil ħaddieħor, minkejja t-tbatija kbira li kien għaddej minnha fejn tidħol saħħtu.
Wara mewtu, Karl għadu preżenti mod ieħor. F’Ottubru tas-sena li għaddiet infetaħ iċ-ċentru ġdid tal-Fondazzjoni Karl Vella fil-Kitchen Garden: ispazju biex ikun offrut servizz lil tfal meta l-ġenituri tagħhom ikunu għaddejjin minn perjodu ta’ mard.
Il-Fondazzjoni Karl Vella tagħti servizz li qabel ma kienx jeżisti, f’ambjent b’riżorsi għal tfal li jkollhom bżonn appoġġ li jagħtihom is-saħħa li hemm bżonn biex jimxu ‘l quddiem. Jingħata appoġġ lil tfal bejn il-ħames snin u 17-il sena, b’għajnuna fuq il-homework u appoġġ psikosoċjali.
Nhar il-Ħadd li ġej, biex ikun immarkat l-ewwel anniversarju mill-ftuħ taċ-ċentru, se tkun qed issir Open Day bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ wara nofsinhar. L-attività se ssir biex jinġabru fondi, sabiex ikkun jistgħu jitranġaw kmamar li se jinbidlu fi kċina, kamra għad-drama u mużika, kamra silenzjuża fejn isir il-homework, u kamra fejn it-tfal jistgħu jilgħabu.
Se jkun hemm ħafna attivitajiet li t-tfal żgur jieħdu gost bihom, flimkien mal-aqwa talenti mużikali li jieħdu gost bihom anke l-kbar.