Il-kumpanija AquaBioTech tibbrilla fir-riċerka u l-innovazzjoni tant li bis-saħħa t’hekk itejbu l-ambjent tal-ħut anki permezz ta’ għalf aħjar.
Din il-kumpanija tispeċjalizza fit-tkabbir tal-ħut b’mod xjentifiku u speċi ta’ ħut jinżammu f’tankijiet apposta fejn isiru studji fuqhom ħalli jitjieb l-abitat tagħhom.
Id-Direttur tal-kumpanija u Xjentist Simeon Deguara spjegalna iżjed fuq l-istudji li tagħmel il-kumpanija favur is-sostennibiltà tal-ħut.
Huwa qal, “Nagħmlu studji li għandhom x’jaqsmu mal-akkwakultura jiġifieri r-razzett tal-ħut. Hemm żewġ aspetti, waħda fuq l-ikel tal-ħut biex dejjem intejbu l-mod kif nistgħu nżidu s-sostennibbilità tal-industrija pereżempju nużaw iktar ingredjenti li huma iżjed sostennibbli. Iżda biex tużahom trid tagħmel ir-riċerka u tipprova u tara jekk il-ħut jibqax jikber u dawn l-affarjiet. Dan huwa t-tip ta’ xogħol li nagħmlu hawnhekk.”
Deguara żied jgħidilna wkoll li jsiru studji fuq l-mard tal-ħut għaliex bħal ma l-bniedem għandu bżonn ċertu tilqim sabiex jiġġieled kontra l-mard, anki l-ħut jitlaqqam biex jilqa’ għal ċertu mard li jattakkah.
Din il-kumpanija tal-akwakultura timpjega ħamsa u tmenin ħaddiem li ħafna minnhom huma xjentisti li studjaw fuq l-ħajja ta’ taħt l-baħar u jagħmlu r-riċerka permezz ta’ ffinanzjar ta’ fondi Ewropej li jlaħħqu kważi ż-żewġ miljun u nofs ewro.
L-istudji li tagħmel din il-kumpanija mhumiex biss għal pajjiżna iżda jħarsu lil hinn minn xtutna, kif spjega x-xjentist Mark Dimech.
Dimech stqarr: “Ikollhom ħafna proġetti sabiex jgħinu pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw pereżempju fl-Afrika u l-kumpanija tapplika biex tieħu dan il-proġett biex tkun tista’ tiżviluppa proġetti fl-akkwakultura u s-sajd f’dawn il-pajjiżi. Eżempju f’dawn l-aħħar ħames snin, il-kumpanija kellha proġetti fil-Kenja, fil-Ghana u bħalissa jien qed mmexxi proġett fil-Mozambique.”
Fi żjara lil din il-kumpanija, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici stqarr li AquaBioTech hija eżempju perfett ta’ kif ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għandha tkun u saħaq li r-riċerka tista’ anki tiġi kummerċjalizzata, li tfisser aktar qligħ għall-kumpanija inkwistjoni.
Stqarr li l-qasam li AquaBio Tech taħdem fih mhuwiex wieħed żgħir u għalhekk investiment f’dan is-settur jista’ jwassal għal tkabbir ekonomiku.
Il-Ministru Bonnici tenna: “Aħna min-naħa tagħna bħala Gvern irridu nkunu ta’ appoġġ għall-kumpaniji bħal dawn u naraw li jkun hawn iżjed kumpaniji sabiex inkabbru ekoloġija robusta ta’ innovazzjoni f’pajjiżna.”