Dawk li ma jorqdux biżejjed jidhru anqas attraenti. Dan skont studju li għamlu riċerkaturi mir-Royal Society Open Science. Studju li juri li anke jekk persuna ma torqodx biżżejjed għal ftit iljieli ukoll se taffettwa d-dehra tagħha.
Dan l-istudju huwa bbażat fuq esperiment li sar fuq 25 student/a li bħalissa qed jistudjaw l-Università. Permezz ta’ apparat li ntuża matul il-lejl, ġie stabbilit jekk dawn l-istudenti kienux qed jorqdu.
L-esperiment kien jinkludi li fl-ewwel ġimgħa jorqdu raqda tajba f’żewġ iljieli u fit-tieni ġimgħa raqdu żewġ iljieli għal erbà sigħat biss. Wara dawn l-iljieli, r-riċerkaturi ħadu ritratt tal-istudenti mingħajr ebda rtokk. Biex imbagħad wara saqsew lil 122 persuni li jgħixu f’Stokkolma biex jiflu r-ritratti u biex jiġġudikaw mid-dehra jekk jidhrux għajjejin jew b’saħħithom.
Mir-risposti ġie stabbilit li l-għejja kienet evidenti fid-dehra ta’ dawn l-istudenti u għalhekk ġie konkluż li b’hekk meta persuna ma torqodx biżejjed, id-dehra tagħha tiġi affettwata.