Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li sfiduċjaw lil Kap Nazzjonalista Adrian Delia erba’ darbiet, bdew bid-diskussjonijiet sabiex jingħaqdu wara kandidat wieħed sabiex jikkontesta lil Delia fit-tellieqa li ser issir għal Kap Nazzjonalista.
It-Tnejn ir-ribelli fil-Partit Nazzjonalista ltaqgħu bil-għan li jagħtu għażla ċara lill-membri tal-Partit Nazzjonalista.
Mat-Times id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ikkonferma li saret din il-laqgħa, sabiex wara r-riżultat li sejjaħ pożittiv, jaraw min se jikkontesta u jirbaħ lil Delia.
“L-għan tagħna huwa li nagħtu għażla ċara lil membri tal-Partit, ta’ min jista’ jerġa’ jġib l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista”, iddikjara Karol Aquilina.
Il-ġimgħa li għaddiet l-fazzjoni Busuttil bdiet tgħid lill-Kunsilliera sabiex jivvotaw li jmorru għall-elezzjoni għal Kap Nazzjonalista għax se jtuhom għażla ta’ kandidati minn fejn jagħżlu. L-aktar isem li beda jissemma mal-fazzjoni Busuttil, kien Bernard Grech. Issemmew ukoll Therese Comodini Cachia, Roberta Metsola, Joe Giglio u Mark Anthony Sammut, minkejja li dawn l-aħħar żewġ kandidati kienu għadhom mhux konviti li jieħdu dan il-pass.
Il-fazzjoni Busuttil għamlet din il-manuvra bil-għan li tirbaħ il-vot tas-Sibt, għax sorsi li tkellmu mat-Times qed jgħidu issa li d-deputati ribelli se jingħaqdu wara Kap wieħed.
Jidher li l-fazzjoni Busuttil se tingħaqad wara Bernard Grech, dak li ġimgħa ilu kien għaddej bil-konfoffi ma’ Jason Azzopardi, sabiex jieħu post Adrian Delia.