Ġellieda ribelli Sirjani ddistruġġew il-qabar tal-eks President Sirjan Hafez al-Assad li jiġi missier il-President megħlub Bashar.
F’filmati dehru rġiel armati jkantaw waqt li bdew iduru madwar kripta taqbad f’Qardaha.
Nhar il-Ħadd, ir-ribelli mmexxija mill-grupp Iżlamiku Hayat Tahrir al-Sham (HTS) wettqu offensiva rapida biex waqqgħu l-ħakma ta’ 54 sena tad-dinastija Assad. Filfatt kien irrappurtat li Bashar al-Assad ħarab lejn ir-Russja fejn flimkien ma’ familtu ngħata l-ażil.
Statwi u ritratti ta’ Hafez u ibnu Bashar kienu eliminati mill-pajjiż waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sirjani.
Sadanittant il-Kap Suprem tal-Iran Ayatollah Ali Khamenei tefa’ t-tort tal-waqgħa tar-reġim ta’ Assad fuq l-Istati Uniti u Iżrael kif ukoll wieħed mill-ġirien tas-Sirja li ma semmiex min hu.
Skont rapporti tal-osservatur tal-Ġnus Magħquda għas-Sirja bbażat fir-Renju Unit, Iżrael kompla jattakka siti li fihom l-armamenti tal-militar Sirjan fejn minn nhar il-Ħadd twettqu aktar minn 350 attakk mill-ajru.
Il-gvern Iżraeljan qal li dawk li bħalissa qed jikkontrollow il-parti il-kbira tas-Sirja m’għandhomx ikollhom il-mezzi li jheddu lil Iżrael għalkemm stati Għarab ikkritikaw dawn l-attakki mill-ajru.
Il-forzi tar-ribelli Sirjani ddikjaraw li kienu ħadu kontroll tal-belt sinjura bil-bjar taż-żejt Deir al-Zour mill-Kurdi.
It-Tnejn, delegazzjoni tar-ribelli ffurmata minn membri tal-HTS u grupp ieħor Sunni Musulman Free Syrian Army, iltaqgħu mal-anzjani tal-Qardaha li tawhom l-appoġġ tagħhom.
Id-delegazzjoni tar-ribelli iffirmaw dokument li skont rapporti mir-Reuters jemfasizza id-diversità reliġjuża u kulturali tas-Sirja.
It-Tlieta l-HTS appuntaw gvern ta’ tranżizzjoni sa Marzu 2025 mmexxi mill-eks kap tal-amministrazzjoni ribella tal-Majjistral Mohammed al-Bashir. Huwa mexxa laqgħa f’Damasku bejn il-membri tal-gvern il-ġdid u dawk li kienu jiffurmaw parti mill-kabinett ta’ Assad sabiex ġew diskussi t-trasferiment tal-portafolli u istuzzjonijiet.