L-Università ta’ Malta fetħet il-bibien tagħha għal sena akkademika ġdida b’aktar minn tnax-il elf student li se jsegwu wieħed mid-disgħa mijja u ħamsin kors li qed toffri l-Università din is-sena.
Ftit anqas minn erbat elef se jibdew esperjenza edukattiva ġdida f’ħajjithom, waqt li bħas-snin l-imgħoddija, il-maġġoranza tagħhom huma tfajliet.
Fil-fatt il-popolazzjoni f’din l-entità hi maqsuma, b’sitt elef u tmien mitt tfajla u erbat elef u tmien mitt ġuvni.
Bit-tema Staqsi b’mod kostanti l-għarfien, fittex tweġibiet ġodda permezz tar-riċerka, Ir-rettur tal-Università Alfred Vella laqa’ lill-istudenti l-ġodda, u awguralhom li din l-esperjenza tagħmilhom għatxana għall-għarfien.
Ir-Rettur xejjen rimarki li jsiru dwar akkademiċi, li dawn jgħixu f’torri tal-avorju u jinsabu maqtugħin mill-bqija tad-dinja. Saħaq li permezz ta’ dawn l-akkademiċi qed jinstabu solluzzjonijiet għall-problemi li qed taffaċċja d-dinja llum-il ġurnata, u oħrajn li għad iridu jinħolqu.
Hu kellu kliem ieħbes fil-konfront ta’ dawk l-istudenti li jabqdu xogħol ħaddieħor u jagħmluh tagħhom bla ebda skrupli. Appellalhom biex ikunu onesti f’xogħolhom, u biex ma jaqgħux għat-tentazzjoni li jippreżentaw xogħol ħaddieħor f’isimhom.
Fid-diskors tiegħu huwa saħaq fuq l-importantza li s-sistema edukattiva għandha tħarreġ lill-istudenti jitgħallmu jagħmlu riċerka kif suppost. Qal li biex isir dan, l-istudenti jridu jiġu ggwidati minn persuni li huma attivi kemm fit-tagħlim u kemm fir-riċerka.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar lil dawk preżenti fuq il-kampus, fejn għadd kbir ta’ studenti laqgħuh bi ħġarhom. Il-Prim Ministru qatta ħin twil jitkellem, jiddiskuti, u anke jiċċajta ma’ dawk preżenti, bil-għan li jifhem aħjar il-ħajja tal-istudenti.