Waqt li l-Partit Nazzjonalista ilu jtambar b’mod infinit l-allegazzjoni li l-poplu Malti u Għawdxi nsteraq xi €400 miljun fil-konċessjoni li l-Gvern ta għat-tliet sptarijiet, l-estimi finanzjarji uffiċjali ppreżentati fid-diskors tal-Baġit 2025 jagħtu l-istampa kompletament l-oppost.
Anzi litteralment igiddbu lill-esponenti tal-Oppożizzjoni, primarjament lill-Kap attwali Bernard Grech u dak ta’ qablu, Adrian Delia, li llum hu l-Kelliem Nazzjonalista għas-Saħħa.
Bl-argumenti tagħhom, li kieku veru l-flus mogħtija lil Steward ma kinux destinati għall-amministrazzjoni tal-isptarijiet, allura issa, li twaqqfet l-istess konċessjoni fl-aħħar snin, il-flus allokati għall-isptarijiet kellhom ikunu inqas jew saħansitra xejn.
Bil-maqlub, l-estimi finanzjarji juru li l-ispiża għall-isptarijiet għas-sena l-oħra, sakemm kien hemm ta’ Steward, laħqet kważi ħamsa u sebgħin miljun. Din issa telgħet għal disgħa u tmenin miljun din is-sena u fl-2025 se tkun ftit inqas minn disgħa u disgħin miljun.
Jiġifieri żieda ta’ erbgħa u għoxrin miljun f’sentejn għall-amministrar tal-isptarijiet nazzjonali … kompletament bil-kontra tar-retorika bażwija tal-Partit Nazzjonalista.