Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, permezz ta’ delegazzjoni mmexxija mis-Segretarju Permanenti, Christopher Cutajar, żar ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq il-figuri tal-bronż tal-funtana tat-Tritoni.
Id-delegazzjoni kienet akkumpanjata mill-Ambaxxatriċi għal Malta fl-Italja, is-Sinjura Vanessa Frazier u mal-wasla tagħha, ġiet milqugħa mill-President tar-Reġjun tat-Toscana, is-Sur Eugenio Giani u mis-Sindku tal-Comune Barberino Val d’Elsa, is-Sur Giacomo Trentanovi.
Kemm il-President tar-Reġjun kif ukoll is-Sindku wrew l-apprezzament tagħhom għall-kollaborazzjoni li qed issir rigward dan il-proġett li huwa ta’ importanza għad-dħul tal-belt kapitali ta’ pajjiżna, iktar u iktar għall-fatt li l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea fis-sena li ġejja.
L-uffiċjali pubbliċi tal-Ministeru, li qegħdin isegwu u jmexxu t-twettieq ta’ dan il-proġett, kellhom l-opportunità li jżuru x-xogħlijiet li qed isiru fuq il-figuri tal-bronż tal-Funtana tat-Tritoni. Matul iż-żjara fil-Fonderia Artistica Ferdinando Marinelli ġewwa Firenze, l-uffiċjali setgħu jsegwu mill-viċin il-metodi li jintużaw fil-ħidma tar-restawr u l-produzzjoni tal-bronż u materjali oħra, xogħol li jeħtieġ mhux biss is-sengħa, iżda wkoll il-ħila artistika.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, f’diskors mogħti fi tmiem din iż-żjara, fisser kif ir-restawr tal-figuri tal-bronż jifformaw parti minn proġett akbar maħsub li joffri spazju pubbliku fid-daħla tal-Belt. Huwa qal li dan il-“proġett ma huwiex biss maħsub li jirrestawra l-istrutturi attwali tal-funtana, iżda wkoll li joffri struttura ġdida sabiex il-kwalità tal-ilma li jiċċirkola fil-funtana u l-mod li bih jitqiegħdu lura l-figuri tal-bronż, joffru garanzija li l-funtana ma ssofrix minn degradazzjoni fil-kundizzjoni tagħha, iktar milli mistenni mill-elementi naturali, wara t-tlestija tal-proġett”.
Ritratti: MTI