B’reazzjoni għal direttivi mħabbra mill-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN, fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva qal li dawn id-direttivi se jolqtu lil pazjenti anzjani li ma jixirqilhomx li jintużaw b’dan il-mod.
Il-Ministeru qal li huwa ta’ tħassib li dawn id-direttivi skattaw wara t-tħabbir tal-konklużjonjiet ta’ inkjesta indipendenti mmexxija minn eks membru tal-ġudikatura. Il-Ministeru qal li ħatar inkjesta indipendenti għax jieħu bl-akbar serjetà l-każ tal-anzjan li jinsab nieqes wara li ħareġ mir-residenza San Vinċenz de Paul.
Fl-istqarrija ntqal li l-Ministeru huwa obbligat ukoll li jfittex l-interess tal-qraba tar-residenti f’dawn id-djar, filwaqt li japprezza u jinkoraġġixxi l-eluf ta’ impjegati tiegħu li jagħmlu xogħolhom b’dinjità.
Il-Ministeru qal li japprezza l-isforzi tal-MUMN li tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-interessi tal-membri tagħha.
Wiegħed li se jkompli jaġixxi b’mod denju u demokratiku b’rispett kemm lejn il-pazjenti kif ukoll lill-maġġoranza tal-ħaddiema li jwettqu xogħolhom b’imħabba u b’dedikazzjoni.