Is-sindku ta’ Kiev, Vitaliy Klitschko, wissa li r-residenti tal-kapitali Ukrena għandhom ikunu lesti biex jitilqu minn Kiev jekk ikun hemm qtugħ totali tad-dawl.
Ġie mwissi wkoll li jekk dan iseħħ, kapaċi jkun hemm ukoll qtugħ tal-ilma u anki tieqaf taħdem is-sistema tad-drenaġġ.
Fl-aħħar ġimgħat, miljuni ta’ Ukreni spiċċaw bla dawl u ilma minħabba li l-attakki mill-ajru tar-Russja laqtu infrastruttura kruċjali tal-enerġija.
Qed ikun hemm ukoll qtugħ tad-dawl skedat biex ikun evitat użu eċċessiv tas-servizzi fl-istess ħin li jagħti ċans għat-tiswijiet.
Madwar 40% tas-sistema tal-enerġija Ukrena nqerdet għal kollox jew sarilha ħsarat bl-attakki Russi fuq impjanti tal-enerġija.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky wissa li r-Russja jista’ jkun li qed tippjana attakki massiċċi oħra mmirati fuq l-infrastruttura tal-Ukrajna, b’mod partikolari dik tal-enerġija.