Illum ir-residenti ta’ Greenland qed jivvutaw f’elezzjoni li fi snin passati ma kienet tinteressa prattikament lil ħadd fix-xena internazzjonali. Iżda din id-darba r-riżultat jaf ikollu impatt fuq il-futur ta’ dan it-territorju.
Il-President Amerikan Donald Trump ilu jirrepeti l-interess tiegħu li jakkwista lil Greenland u għalhekk ġibed l-attenzjoni tal-midja internazzjonali filwaqt li qajjem dibattitu fuq ir-rabta ta’ din il-gżira mad-Danimarka.
Minkejja li tinsab kważi 3000 kilometru ’l bogħod, Greenland ilha kkontrollata mid-Danimarka għal kważi tliet mitt sena u għalkemm tiggverna u tiddeċiedi fuq l-affarijiet interni tal-pajjiż, deċiżjonijiet fuq il-politika barranija u d-difiża jiġu magħmula mid-Danimarka.
Fuq il-vot illum hemm sitt partiti li ħamsa minnhom huma favur l-indipendenza ta’ Greenland mid-Danimarka għalkemm għandhom opinjonijiet diversi kif dan għandu jseħħ.
Il-voti jistgħu jintefgħu fi 72 post ta’ votazzjoni u l-elezzjoni tagħlaq fit-8:00 tal-lejla (11:00 pm ħin ta’ Malta).
Id-dibattitu dwar l-indipendenza intensifika hekk kif il-lokazzjoni strateġika u d-diversi riżorsi minerali mhux mittiefsa tal-pajjiż ġibdu l-attenzjoni tal-President Amerikan hekk kif anke matul l-ewwel mandat tiegħu fl-2019 kien diġa qed iwieżen l-idea li ried jixtri lil din il-gżira.
Issa sa mill-bidu ta’ dan it-tieni terminu tiegħu f’Jannar huwa kemm-il darba tenna l-intenzjoni tiegħu li jrid jakkwista t-territorju, bi Greenland u d-Danimarka jimblukkaw ir-rikjesta tiegħu għall-aktar minn darba.
Waqt li kien qed jindirizza l-Kungress Amerikan il-ġimgħa l-oħra Trump reġa qal li għas-sigurtà nazzjonali għandhom bżonn lil Greenland u li b’xi mod jew ieħor kien se jakkwistaha fost l-applaws u d-daħq ta’ numru ta’ politikanti inkluż tal-Viċi President JD Vance.
44,000 persuni huma eliġibbli biex jivvutaw u huwa diffiċli li jkun previst xi forma ta’ riżultat għax f’dan il-pajjiż is-sondaġġi huma ftit.
Ħafna minnhom għandhom il-biża li jekk jieħdu l-indipendenza l-livell tal-ħajja tagħhom jonqos filwaqt li jkun hemm pajjiżi oħra lesti biex jaħkmuhom inkluż l-Istati Uniti.
Iżda l-esperti qed jgħidu li irrilevanti mir-riżultat tal-elezzjoni, ma jaħsbux li jista jkun possibbli li Greenland tikseb l-Indipendenza qabel ma jintemm it-tieni mandat ta’ Trump fl-2028.
Ir-riżultat tal-elezzjoni mistenni jitħabbar kmieni l-Erbgħa filgħodu.