Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna mhux qed jieħu ħsiebha min kull okkażjoni li jsib jara li jagħmel ħsara lil pajjiżna barra minn Malta, partikolarment esponenti tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jgħatti l-inkwiet intern tiegħu billi jipprova jdawwar il-kanuni lejn il-gvern biex mingħalih joħloq dubju dwar ir-reputazzjoni eċċellenti li jgawdi pajjiżna, din id-darba fil-qasam tal-gaming – liema reputazzjoni poġġiet lil pajjiżna bħala l-ġurisdizzjoni ewlenija ta’ dan is-settur li kulma jmur qed ikompli jikber tant li fl-aħħar jiem kumpanija kbira fis-settur akkwistat liċenzja Maltija u se tirriloka f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri fakkar li bħalissa l-Awtorità għal-Logħob qed tipproċessa 3 applikazzjonijiet ta’ kumpaniji kbar f’dan is-settur li għażlu li jirrilokaw l-operat tagħhom f’Malta.
Dan ikompli jsaħħaħ il-fiduċja li għandhom dawn il-kumpaniji f’Malta.
L-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ta’ pajjiżna jaħdmu u jaħdmu b’mod effettiv.
Tant hu hekk li diversi drabi ġie rrappurat fil-mezzi tal-media li bil-għajnuna tal-istituzzjonijiet u tal-awtoritajiet ta’ pajjiżna saret ħidma ma’ istituzzjonijiet barranin li flimkien identifikaw azzjoni irregolari.
Iżjed minn hekk, anke bħala gvern, is-sena li għaddiet daħħalna liġi ġdida għal-logħob li qed tagħti iktar saħħa lir-regolatur fl-istess waqt li tipproteġi lill-konsumatur kif ukoll naqqset proċessi burokratiċi li kienu qed iħabbtu lill-operaturi.
Barra minn dan, pajjiżna diġà hu fuq fomm bosta investituri midħla ta’ niċċa ekonomika ġdida, dik tal-esports, li fiż-żmien li ġej se titħabbar l-istrateġija dwarha.
L-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista tkompli tkun fid-deher meta tkompli tattakka l-viżjoni tal-gvern fil-blockchain u hi stess ma kinitx parteċipi fil-proċessi ta’ konsultazzjoni.
Ikun aħjar għall-Partit Nazzjonalista li jieqaf jattakka lil Malta u għal darba jiġbed l-istess ħabel fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.