L-Aġenzija Maltija Kontra l-Ħasil tal-Flus qalet li għandha riservi serji dwar il-proċess li adottat l-Awtorità Bankarja Ewropea fl-investigazzjoni prelimarja tagħha dwar ksur tal-liġi Ewropea waqt is-superviżjoni tal-operat tal-Bank Pilatus.
Fi stqarrija, l-FIAU qalet tinsab iddiżappuntata bil-konklużjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea li l-FIAU kisret il-liġi tal-Unjoni Ewropea.
Minkejja dan, l-FIAU qalet li se tkompli tikkopera mal-Awtorità Bankarja Ewropea matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni li daħal fis-seħħ qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni tal-EBA dwar possibilità ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea f’Novembru li għadda.
Ir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea ġab ir-reazzjoni tal-partiti Nazzjonalista li f’konferenza tal-aħbarijiet sejjaħ għar-riżenja tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għax qal li kompla għarraq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Mistoqsi jieħux lura d-diskors li sar mill-Partit Nazzjonalista dwar l-eks kap tal-FIAU Manfred Galdes meta rieduh jibqa’ fil-kariga, l-eks Vici Kap Nazzjonalista Mario De Marco qal li r-responsabbiltà m’għandux jerfagħha s-Sur Galdes.
“IR-RESPONSABILTÀ M’GĦANDUX JERFAGĦHA JEW JOFFRIHA MANFRED GALDES.”
Dan minkejja l-fatt li l-kwistjonjiet li titkellem dwarhom l-Awtorità Bankarja Ewropea jmorru lura għaż-żmien it-tmexxija tas-Sur Galdes li nħatar fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.
B’reazzjoni il-Partit Laburista fakkar li l-Bank Pilatus huwa bank li l-istituzzjonijiet Maltin ħadu passi iebsa kontra tiegħu wara li sar magħruf li s-sid tal-bank qed ikun akkużat fuq reati f’pajjiż ieħor.
Qal li fl-aħħar xhur pajjiżna ħa passi ġodda u bla preċedent fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu finanzjarju. Sostna li hija biss ix-xewqa tal-Partit Nazzjonalista li jirriżenja l-Ministru Edward Scicluna li kellu rwol kruċjali biex illum Malta għandu surplus flok defiċit u l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa. Qal li għalhekk hu bis-saħħa tal-Ministru Scicluna wkoll li r-reputazzjoni ta’ Malta hija b’saħħitha.