Fl-Istati Uniti, ir-Repubblikani rebħu biżżejjed siġġijiet biex jikkontrollaw il-Kamra tad-Deputati biex b’hekk ir-rebħa fl-elezzjonijiet li għadhom kemm saru kienet waħda kompluta u assiguraw is-sehem tagħhom fit-tmexxija tal-Gvern flimkien mal-President-Elett, Donald Trump.
Rebħa Repubblikana tal-Kamra f’Arizona flimkien ma’ rebħa f’Kalifornja li ħadet ħafna żmien biex tiġi konkluża, taw it-total ta’ 218-il siġġu neċessarju biex jassiguraw maġġoranza għall-Partit Repubblikan tal-Istati Uniti jew kif inhu magħruf il-GOP – Grand Old Party.
F’din l-istess elezzjoni r-Repubblikani kienu diġà rebħu l-kontroll tas-Senat li qabel kien wieħed Demokratiku.
B’maġġoranza żgħira iżda missielta, il-mexxejja Repubblikani qed ibassru mandat li bih iwaqqgħu l-gvern federali u malajr jimplimentaw il-viżjoni li Trump għandu għall-pajjiż.
Il-President-Elett wiegħed li jwettaq l-akbar operazzjoni ta’ deportazzjoni li qatt saret fil-pajjiż, jestendi l-perjodu li ma titħallasx taxxa, jikkastiga l-għedewwa politiċi tiegħu, jieħu l-kontroll tal-aktar għodod b’saħħithom tal-gvern federali u jfassal mill-ġdid l-ekonomija tal-Istati Uniti. Bir-rebħ tal-maġġoranza tal-Kamra tad-Deputati jfisser li l-partit ta’ Trump se jivvota favur din l-aġenda, filwaqt li d-Demokratiċi se jkunu mingħajr saħħa li jwaqqfuh.
Meta Trump kien elett President fl-2016, ir-Repubblikani kienu rebħu l-Kungress iżda kien hemm diversi mexxejja Repubblikani kif ukoll il-Qorti Suprema b’maġġoranza liberali, li offrew reżistenza għall-ideat politiċi tiegħu iżda dan mhux se jkun il-każ din id-darba.
Meta jirritorna fil-White House, Trump se jkun qed jaħdem ma’ Partit Repubblikan trasformat kompletament mill-moviment tiegħu “Make America Great Again” u Qorti Suprema ddominata minn imħallfin konservattivi, inklużi tlieta li ħatar hu stess.