L-għaqda Repubblika għajret lid-Deputati u eks Kandidati Nazzjonalisti Clyde Puli, Kristy Debono u Mario Galea bħala fossili u sostniet li oħrajn bħalhom iridu jsegwu l-eżempju tagħhom.
Dan sar permezz ta’ Michael Zammit Maempel, li huwa attivist u kelliem f’attivitajiet tal-għaqda Repubblika mmexxija minn ħu wieħed mill-ewlenin tal-establishment Nazzjonalista, Karol Aquilina.
L-għaqda Repubblika ħarġet sodisfatta bi tliet Deputati u Kandidati ta’ Adrian Delia u fuq twitter Maempel kiteb kontra t-tliet kandidati li rtiraw.
Din mhux l-ewwel darba li l-għaqda Repubblika magħrufa għall-qrubija tagħha mat-tmexxija ta’ Bernard Grech uriet is-sodisfazzjon u kkummentat fuq intriċċi fil-Partit Nazzjonalista fosthom riżenji u irtirar ta’ kandidati Nazzjonalisti tal-fazzjoni t’Adrian Delia.
Hekk għamlet l-għaqda Repubblika meta rtirat Roselyn Borg Knight u rriżenjat mill-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt ta’ Repubblika kienu qalu li l-aħbar li Borg Knight irtirat il-kandidatura tagħha żgur li ma kinitx l-agħar aħbar li ħarġet.
Meta rriżenja alleat t’Adrian Delia u Kunsillier Nazzjonalista, André Grech, ta’ Repubblika qalulu biex jagħlaq il-bieb warajh u ma jazzardax jiġi lura.
André Grech saħaq li huwa ma jiflaħx jibqa’ f’partit fejn tirrenja l-mibegħda.
Esponenti tal-għaqda Repubblika ta’ spiss ikunu f’laqgħat mat-tmexxija Nazzjonalista.
Fi kliemhom stess, ta’ Repubblika jiltaqgħu fost oħrajn ma’ Bernard Grech u l-istrateġista tiegħu Chris Peregin biex jiddiskutu strateġija politika.