Jum ir-Repubblika ta’ Malta qed jitfakkar billi din l-istorja terġa’ tinħoloq għad-dinja tal-lum. Filwaqt li t-twelid tar-repubblika tagħna kien mument partikolari fiż-żmien, ikkaratterizzat minn nies jinteraġixxu direttament bejniethom, illum, in-nies jiltaqgħu kontinwament permezz tal-internet, b’mod partikolari fuq Facebook. Huwa stmat li Facebook huwa l-iktar mezz ta’ komunikazzjoni soċjali użat f’Malta.
F’dan l-isfond, il-Kunsill Malti għall-Arti qed iniedi paġna fuq Facebook li tiżra ż-żerriegħa biex kull sena Jum ir-Repubblika jieħu l-ħajja permezz tal-kummenti u l-interazzjoni tan-nies bejniethom. Billi dan se jkun it-42 anniversarju mill-ħolqien tar-Repubblika, se jittellgħu 42 post fuq din il-paġna, waħda kull 42 minuta. Dan se jsir bejn it-12 u t-13 ta’ Diċembru.
Il-posts se jkollhom l-għan li jinfurmaw u joħolqu diskussjoni dwar dan il-jum storiku. Hemm il-ħsieb li fis-snin li ġejjin din l-inizjattiva tieħu forom oħra, iktar intensi u li jagħtu xhieda ħajja tal-interazzjoni bejn in-nies illum. B’dan il-mod, kull sena Jum ir-Repubblika jingħata l-ħajja min-nies, li kienu u jibqgħu l-awturi tagħha.
Il-Ministru Owen Bonnici jikkummenta: “Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li qed nimmarkaw dan il-jum storiku b’dan il-mod innovattiv. Dan il-ġest kreattiv, filwaqt li jirrifletti l-qofol tal-ħolqien tar-repubblika – jiġifieri li huwa tan-nies għax inħoloq min-nies – qed isir b’mezz li llum huwa ewlieni biex in-nies jikkomunikaw ma’ xulxin. Nawgura li din l-inizjattiva tixxettel u tieħu forom dejjem iktar interattivi fil-futur.”
It-twaqqif ta’ repubblika huwa pass fundamentali fl-istorja ta’ nazzjon. Jimmarka mument li fih in-nies ikunu ingħaqdu biex isiru l-awturi tad-destin kollettiv tagħhom. Permezz ta’ mezzi kostituzzjonali, minn dak il-mument ‘il quddiem huma jibdew isellfu l-poter tagħhom bħala poplu lir-rappreżentanti tagħhom biex jiggvernawhom.
F’dan is-sens, il-ħolqien ta’ repubblika huwa trasformazzjoni politika ‘fiżika’ li sseħħ permezz ta’ azzjoni kollettiva ta’ poplu, jew għan-nom tiegħu. F’xi pajjiżi, it-triq għall-ħolqien ta’ repubblika kienet waħda vjolenti u ta’ konfrontazzjoni. F’oħrajn, bħal tagħna, il-proċess kien iktar kalm. Fil-każijiet kollha, però, ir-repubbliki twieldu bħala riżultat ta’ azzjoni mittieħda min-nies ‘jiffaċċjaw’ lil xulxin, sew jekk fil-kamp tal-battalja, sew jekk fil-palazz tar-re u sew jekk fil-parlament.