L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jinsabu ‘l bogħod milli jsibu ftehim dwar in-negozjati fuq il-ftehim kummerċjali wara li jintemm il-perjodu tranżitorju ta’ Brexit fl-aħħar ta’ din is-sena.
Dan intqal mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn tat l-aħħar żviluppi b’rabta man-negozjati.
Nhar l-Erbgħa li għadda, Von der Leyen u l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson iltaqgħu fi Brussell sabiex jiddiskutu l-aħħar żviluppi, iżda ż-żewġ naħat kienu ‘l bogħod mill-ftehim.
Qalet kif, “Positions remain apart on fundamental issues, on the level playing field, we have repeatedly made clearly to our UK partners that the principle of fair competition is pre-conditioned to privilege access to the EU market.”
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet kif fuq is-sajd għad baqa’ diversi differenzi, hekk kif ir-Renju Unit irid kontroll sħiħ tal-baħar tiegħu.
Ursula von der Leyen qalet kif in-negozjaturi qed jaħdmu qatigħ sabiex sa nhar il-Ħadd li ġej ikun deċiż jekk hemmx kundizzjonijiet biżżejjed għall-ftehim jew le. Qalet kif l-Unjoni Ewropea se ddaħħal erba’ miżuri ta’ kontinġenza.
Spjegat li, “They provide a short-term fix to ensure basic connectivity in the air and road transport for six months and we also proposing to the UK to ensure reciprocal access to each other waters for next year.”
Intant matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li l-possibiltà kbira hija li r-Renju Unit ifalli milli jsib ftehim mal-Unjoni Ewropea.
Dwar dan tkellem ukoll il-Prim Ministru Malti Robert Abela, li qal kif il-possibilità għall-ftehim bejn iż-żewġ naħat qiegħda hemmhekk.
Saħaq li pajjiżna huwa mħejji għal kull eventwalità.
Qal kif, “Wieħed għadu qed jittama li naslu għall-ftehim. Il-possibiltà li ma naslux iżda qiegħda hemmhekk ukoll u allura għall-ewwel ta’ Jannar. Kull pajjiż ikollu pjan ta’ kontinġenza biex jekk ma jintlaħaqx ftehim sa dakinhar, naturalment dakinhar jiskatta l-pjan temporanju u hemm enfasi li jkun temporanju ta’ kontinġenza. Pajjiżna huwa mħejji wkoll għal dik l-eventwalità.”