Matul il-ġurnata tal-Ħamis, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti wettqu attakk militari fuq ir-ribelli Houthi fil-Jemen. Dan l-attakk, li skont il-kelliem għar-ribelli, Yahya Sare’e, ħalla ħames persuni mejta u sitta oħra midrubin, twettaq fuq erba’ bażijiet militari.
Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li dan l-attakk sar b’messaġġ ċar li kemm huma, kif ukoll l-alleati tagħhom, mhux se jibqgħu jittolleraw attakki ostili li jfixklu jew iwaqqfu n-navigazzjoni b’mod sigur fil-Baħar l-Aħmar.
Il-Ħamis filgħaxija, erba’ jets militari Ingliżi ħallew il-bażi militari Akrotiri f’Ċipru biex imorru jgħinu lill-Armata Amerikana.
F’dawn l-aħħar għaxar snin, il-grupp tar-ribelli Houthi ħadu kontroll ta’ bosta partijiet fil-Jemen u spiss jattakkaw bastimenti tal-merkanzija li jkunu qed jgħaddu mill-Baħar l-Aħmar, fejn hu stmat li jsir mal-15 fil-mija tat-tbaħħir kummerċjali kollu fid-dinja.