Uffiċjali tar-Renju Unit mistennija jiffaċjaw uffiċjali Russi fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.
Dan hekk kif ir-Renju Unit se jsaħħaħ l-argumenti tiegħu wara li ġew identifikati żewġ suspettati b’rabta mal-attakk f’Salisbury fuq eks spija Russu u bintu.
Sergei Skripal u bintu Yulia ġew avvelenati b’dak imsejjaħ Novichok.
Filwaqt li l-Gvern Russu kompla jiċħad l-involviment tiegħu, il-Prim Ministru Ingliż Theresa May indirizzat il-House of Commons u saħqet li ż-żewġ suspettati Russi daħlu fir-Renju Unit b’passaport Russu.
Il-Prim Ministru Ingliż kompliet tisħaq li dan l-attakk żgur li ġie ordnat minn persuna ferm għolja fil-Kremlin.
Sadanittant il-pulizija Ingliża qed torbot dan l-attakk minn żewġ suspettati Russu ma’ qtil li seħħ tminn mili ‘l bogħod minn Salisbury.
Filfatt fl-aħħar ta’ Ġunju mara Dawn Sturgess u Charlie Rowley ħassewhom ma jifilħux wara li aktarx ġew f’kuntatt man-Novichok.
Tal-ewwel mietet ftit jiem wara filwaqt li Rowley ħarġet mill-isptar kważi tliet ġimgħat wara.
L-ex spija Russu u bintu rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara li qattgħu aktar minn xahrejn l-isptar.