Il-Prim Ministru Brittaniku Sir Keir Starmer illum mistenni jipprepara l-pajjiż għall-“baġit iebes”, kif diġà wiegħed, bl-iskop li jrid jerġa’ jqajjem il-pajjiż fuq saqajh mill-problemi kbar li ħalla l-aħħar Gvern Konservattiv.
Minkejja dan, il-Gvern ġdid Laburista qed jiġi kkritkat bl-aħrax, hekk kif diġà sar magħruf li se jkun hemm taxxi ogħla fuq min iħaddem, waqt li issa ħabbar li se jintroduċi anke l-VAT ta’ 20% fuq il-miżati tal-iskejjel privati.
F’sitwazzjoni totalment differenti minn dik f’pajjiżna, il-konsumaturi Brittaniċi huma mwerwrin mill-preżentazzjoni tal-baġit Britanniku l-Erbgħa li ġej.
Fil-fatt stħarriġ fi tmiem il-ġimgħa li għadda wera li l-fiduċja fost iċ-ċittadini u n-negozji niżlet fl-aktar livell baxx din is-sena.
Ir-raġuni għal dan hu l-fatt li ħafna negozji qed ikunu affettwati mill-mod retoriku u inċert espress mill-Gvern ta’ Starmer s’issa.
Il-Kanċillier Rachel Reeves, li hi l-ekwivalenti tal-Ministru għall-Finanzi, mistennija tħabbar żidiet sinifikanti f’diversi faxex tat-taxxi, hekk kif irid jiġi rkuprat defiċit ta’ madwar erbgħin biljun lira sterlina.
Reeves ukoll mistennija tħabbar l-iffriżar tal-faxex tat-taxxi tad-dħul sal-2028, b’mossa li mistennija żżid id-dħul tal-gvern b’seba’ biljun lira sterlina fis-sena, waqt li m’eskludietx il-fatt li tista’ żżid ir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali li tinħareġ minn min iħaddem.