Ir-Renju Unit qed jivvota fit-tielet elezzjoni ġenerali f’inqas minn ħames snin
Mas-650 rappreżentant fil-House of Commons iridu jiġu eletti minn kostitwenzi differenti.
Il-votazzjoni li fetħet fis-7:00 tal-ħin lokali tagħlaq fl-10:00 ta’ bil-lejl, ħin Ingliż.
Il-Prim Ministru Ingliż u mexxej tal-Partit Konservattiv Boris Johnson ħa l-kelb tiegħu meta mar jivvota fiċ-ċentru ta’ Londra.
Il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn mar jivvota fit-tramuntana ta’ Londra.
Nicola Sturgeon mill-Partit Skoċċiż ivvutat fi Glasgow filwaqt li l-mexxej tal-Partit għall-Brexit Nigel Farage bagħat il-vot tiegħu bil-posta.
L-ewwel indikazzjonijiet dwar ir-riżultati tal-elezzjoni ġenerali mistennija joħorġu wara l-għeluq tal-votazzjoni, bil-kostitwenza taċ-ċentru ta’ Newcastle tista’ terġa’ tkun l-ewwel waħda li toħroġ riżultat uffiċjali.
L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika wera li l-partit ta’ Boris Johnson se jirbaħ l-elezzjoni iżda hu mifhum li l-vantaġġ komdu li dan kellu fuq Corbyn naqas.
L-aħħar previżjonijiet urew li l-Partit Konservattiv jikseb maġġoranza ta’ 28 siġġu.
Dan filwaqt li l-Partit Laburista jista’ jitlef mal-31 siġġu biex minn dawn se jiggwadanjaw anki l-Partit Skoċċiż, dak Liberali u anki tal-Ħodor.
L-elezzjoni ġenerali bikrija ġiet imsejħa minn Boris Johnson wara nuqqas ta’ qbil fil-House of Commons fuq il-ftehim li laħaq il-Gvern Ingliż mal-Kummissjoni Ewropea dwar Brexit.
Din il-kwistjoni baqgħet ferm diskussa tul il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali għall-ewwel darba f’100 sena, saret fix-xahar tal-Milied.