Bid-dejn nazzjonali jilħaq livelli rekord ta’ iżjed minn tliet triljun Sterlina, il-Gvern Britanniku tal-Prim Ministru Keir Starmer jidher li qed iħejji biex iħabbar baġit korrettiv, bl-iskop li jtaffi l-pressjoni mis-swieq internazzjonali fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
Fost miżuri ta’ emerġenza li mistenni jinkludi dan il-baġit korrettiv, hemm li l-poplu u n-negozji jkollhom iġorru żieda addizzjonali fit-taxxi ta’ madwar 11%.
Skont il-gazzetta influwenti Financial Times tal-lum, il-Ministru għall-Finanzi Rachel Reeves m’għandhiex spazju għal alternattivi biex trażżan il-pressjoni mis-swieq finanzjarji fuq l-ekonomija Britannika, b’investituri jwissu li se jitilqu mill-pajjiż u jkeċċu l-ħaddiema, għax il-pressjoni fiskali saret “insapportabbli”.
Il-fiduċja tal-investituri u l-aġenziji ta’ kreditu huma serjament mħassbin fuq il-kapaċità tal-pajjiż li jindirizza l-problema tad-dejn nazzjonali, partikolarment fil-ħlas tal-imgħaxijiet kbar.
Problemi oħrajn serji li qed jiffaċċa r-Renju Unit bħalissa huma fl-enerġija, fejn il-British Gas, l-akbar kumpanija li tipprovdi l-enerġija fid-djar tal-familji, qalet li fadlilha biss ġimgħa riserva ta’ provvista, hekk kif il-prezz internazzjonali tal-gass reġa’ qed jogħla sew.
Fl-istess ħin, il-Gvern Daniż avża lill-Gvern Britanniku li kien qed jissospendi l-provvista tal-elettriku permezz tal-interconnector, hekk kif għandu bżonn dik il-provvista żejda biex itaffi xi ftit mit-tariffi tal-konsumaturi Daniżi stess.
Minbarra l-enerġija, ir-Renju Unit qed jiffaċċa problema enormi oħra ta’ ffollar fl-isptarijiet, kif irrapportat fl-aħħar jiem. Minħabba l-mewġa qawwija ta’ influwenza, ukoll qed jiġu ngaġġati infermieri biex jaħdmu f’xiftijiet ħalli jikkuraw il-pazjenti fil-kurituri tal-isptarijiet.
Nuqqas ta’ fondi mill-Gvern għas-sistema tal-NHS wasslet għal nuqqas ta’ spazji fl-isptarijiet u mijiet ta’ pazjenti qed jiġu kkurati fuq stretchers fil-kurituri.