“Ir-Renju Unit mhux se jkun qed iħallas €100biljun ewro biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea.” Qal dan is-Segretarju ta’ Brexit David Davis.
Hu tkellem fuq il-programm Good Morning Britain fir-Renju Unit fejn qal li se jkunu qed iħallsu dak li legalment hu dovut u “mhux dak li trid l-Unjoni Ewropea.”
Din l-aħbar ħarġet wara allegazzjonijiet li saru mill-ġurnal Financial Times fejn qalu li l-ħlas imfittex mill-UE għola mill-ammont oriġinarjament miftihem, dak ta’ €60 biljun.
Davis qal li r-Renju Unit jittratta d-drittijiet u l-obbligi li għandha tal-UE b’serjetà kbira iżda “qatt ma rat numri”, fejn żied jgħid li l-UE qed tipprova tkun diffiċli.