Matul ix-xahar t’Awwissu, għaddew mill-mitjar Malti aktar minn 407,000 passiġġieri, jiġifieri kważi nofs it-traffiku rreġistrat fl-istess xahar tas-sena ta’ qabel il-pandemija.
Ir-riżultat tat-traffiku t’Awwissu kien influwenzat mill-prestazzjoni b’saħħitha ta’ ċerti swieq bħall-Franza u l-Polonja.
Aktar minn tmenin fil-mija tas-seats fuq l-ajruplani kienu mimlijin tul ix-xahar li għadda.
Fil-fatt, kull titjira ġarret medja ta’ 111-il passiġġier, li jfisser 44 passiġġier biss inqas mill-istess xahar ta’ qabel kien hawn pandemija, meta t-turiżmu kien fl-aqwa tiegħu.
Ix-xahar li għadda, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ra lis-suq Ingliż jirkupra b’pass aktar mgħaġġel minn dak previst.
Fil-fatt, ir-Renju Unit irreġistra kważi mitt elf moviment tal-passiġġieri u qabeż lill-Italja biex ikklassifika fl-ewwel post bħala l-aqwa suq tal-ajruport wara nuqqas ta’ sena u erba’ xhur.
Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li qed jaħdem qatigħ mal-linji tal-ajru sħab tiegħu biex jiffinalizza skeda ta’ titjiriet għall-istaġun li jmiss.