Ir-Renju Unit qiegħed joqrob aktar viċin lejn kriżi tal-enerġija, filwaqt li d-dejn tar-Renju Unit huwa tliet darbiet akbar minn kif kien sena ilu. Fl-istess ħin, il-familji u n-negozji Brittaniċi qed jistennew li l-kontijiet tagħhom se jiżdiedu bi tmenin fil-mija sal-aħħar ta’ din is-sena
Is-sitwazzjoni tal-enerġija fir-Renju Unit hija stmata li se tiggrava hekk kif tibda x-xitwa, u bħalissa diġà hemm sitt miljun residenza li qiegħdin b’lura fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom.
Din il-pressjoni fuq il-familji tinħass ukoll fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, hekk kif skont stħarriġ mill-Eurofound u li ġie kkwotat mill-gazzetta KullĦadd, ġiet irreġistrata żieda ta’ tmienja fil-mija fil-familji li qed iħossu l-għafsa taż-żieda fil-prezzijiet.
Madankollu, s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija differenti, hekk kif il-Gvern qiegħed iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, u għalhekk, il-familji Maltin huma l-inqas fost l-istati membri, li jinsabu inkwetati b’rabta mal-prezz tal-enerġija.
Din hija riflessa fl-istess stħarriġ mill-Eurofound, hekk kif waqt li ftit aktar minn nofs il-familji fl-Unjoni Ewropea għandhom diffikultajiet kbar b’rabta mal-prezzijiet tal-enerġija, ir-rata f’pajjiżna ta’ familji b’dawn id-diffikultajiet hija ta’ tnax fil-mija.
Fir-Renju Unit, is-sitwazzjoni mistennija tiggrava, hekk kif biż-żieda fid-dejn tal-pajjiż, u ż-żieda fil-prezzijiet massimi tal-enerġija, il-kwalità tal-ħajja għall-familji Brittaniċi mistennija tonqos sew.
Fil-fatt, il-familji Brittaniċi diġà jġorru medja ta’ dejn ta’ £206 (€244) mal-kumpanija li tipprovdilhom id-dawl, imma dan mistenni jispara ’l fuq fi żmien xahrejn oħra.
Hawn qed jiġi nnutat ukoll in-nuqqas t’azzjoni mill-Gvern Ingliż, li bħalissa jinsab f’fażi tranżitorja wara r-riżenja tal-Prim Ministru Boris Johnson, liema inazzjoni qed jiġi mbassar li se twassal għal miljuni ta’ persuni li mhux se jkunu kapaċi jfendu finanzjarjament.
Dan b’kuntrast mas-sitwazzjoni f’pajjiżna, fejn il-Gvern Malti qiegħed ikun ta’ spalla għall-poplu Malti quddiem sfidi internazzjonali. Fost l-oħrajn, aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Gvern ikkonsulta mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali dwar diversi temi kurrenti, fosthom l-inflazzjoni.
Ġie nnutat kif quddiem l-isfida tal-inflazzjoni, il-Gvern ukoll ħa d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex Malta għandha l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Intant, stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalet li l-Gvern se jkompli jaħdem fil-fora Ewropej sabiex l-interess nazzjonali jkun protett, bħalma għamel fil-kwistjoni tal-eżenzjoni minn qbil sabiex l-istati membri inaqqsu l-użu tal-enerġija bi ħmistax fil-mija.