Il-Gvern Ingliż qed jaffaċċja problema dwar nuqqas tal-vaċċin tal-AstraZeneca kontra l-COVID-19, dan hekk kif id-Dipartiment tas-Saħħa Ingliż, l-NHS, wissa illi f’April se jkun hemm tnaqqis sinifikanti ta’ dożi tal-vaċċin.
Dan tħabbar permezz ta’ ittra mibgħuta lill-organizzazzjonijiet tas-saħħa Ingliżi hekk kif huwa mifhum li kunsinna ta’ miljuni ta’ dożi tal-AstraZeneca, li huma manifatturati fl-Indja, se tasal erba’ ġimgħat tard minn dak ippjanat.
Madanakollu, l-NHS qal illi l-pjan li tingħata l-ewwel tilqima lill-adulti kollha sal-aħħar ta’ Lulju huwa miexi tajjeb. Dan sostnieh ukoll il-Ministru għas-Saħħa Ingliż, Matt Hancock f’indirizz li għamel l-Erbgħa. Huwa sostna illi l-pjan biex jitlaqqmu l-persuni kollha li għandhom ‘il fuq minn 50 sena jinsab għaddej b’ritmu mgħaġġel, tant li n-nies kollha se jkunu tlaqqmu qabel iż-żmien.