Ir-Renju Unit għandu problema b’żieda ta’ ħaddiema li qed jiġu sfruttati u mħaddma f’kundizzjonijiet prekarji, skont riċerka li ġiet irrapportata fil-gazzetta influwenti The Guardian.
Il-problema aggravat partikolarment wara d-deċiżjoni mill-poplu Britanniku fir-referendum tal-2016 li joħroġ mill-Unjoni Ewropea definittivament f’Jannar tal-2020.
Is-sitwazzjoni ħolqot kriżi akbar ta’ nuqqas ta’ ħaddiema biex jimtlew il-postijiet tax-xogħol vakati anke minn dawk li kienu ġejjin minn stati membri u allura ma baqgħux jiġu rikonoxxuti ndaqs għall-Britanniċi.
The Guardian irrapportat li studju minn koalizzjoni ta’ universitajiet u għaqdiet tal-karità kkonkluda li kundizzjonijiet aktar iebsin għal viżas limitati fiż-żmien fl-oqsma tal-biedja u l-kura tas-saħħa mposti wara Brexit wasslu biex tali ħaddiema barranin ikunu iżjed vulnerabbli għal sfruttament u xogħlijiet prekarji minn aġenziji mhux regolati kif suppost.
Dan qed iwassal biex ħaddiema minn pajjiżi terzi jispiċċaw iżjed midjunin mindu waslu fir-Renju Unit, anke wara snin jaħdmu hemm.
F’Malta l-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, għaraf kif jikkontrolla l-mod kif kienu qed joperaw l-hekk imsejħa temping agencies li jirreklutaw barranin magħhom għal xogħlijiet fejn kien hemm nuqqas ta’ ħaddiema fostna.
Ir-regoli f’pajjiżna daħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn, l-1 ta’ April, imma se jkun hemm xahrejn li fihom dawn it-temping agencies jistgħu jikkonformaw magħhom. Dawn ix-xahrejn se jintużaw bħala perjodu ta’ tranżizzjoni, waqt li l-liġi l-ġdida se tibda tiġi inforzata minn Ġunju ta’ din is-sena.
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol, id-DIER, diġà daħlulu wieħed u tletin applikazzjoni biex temping agencies, l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin jaħdmu f’pajjiżna, ikunu liċenzjati kif suppost.
Minbarra hekk, il-Gvern qed jipproponi wkoll emendi fil-Liġi tal-Kera biex jindirizzaw l-iffollar f’residenzi li l-kirja tagħhom tkun maqsuma bejn numru ta’ persuni individwalment.
B’hekk dawn l-emendi, li jinsabu fi stadju ta’ kumitat Parlamentari, mhux se jittolleraw abbuż simili, li wkoll qatt ma ġie rregolat.